Hekk kif għaddiet aktar minn ġimgħa… s’issa ħadd għadu ma jaf x’sar minn Jomic Calleja Maatouk u martu Marzia.
Calleja Matouk huwa l-istess persuna li allegatament ipprova jdaħħal f’pajjiżna xi splussiv u jixtri mid-darkweb il-valenu, l-istess persuna li nqabad iġorr arma tan-nar fuq persuntu mingħajr liċenzja waqt li kien qed jiġbed filmat huwa u jsuq.
L-akkużat ta’ 36 sena kien instab ħati f’Lulju li għadda tant li weħel ħames snin ħabs, iżda ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li appella għas-sentenza li ngħata.
Għal jiem sħaħ, Jomic kien naqas milli jiffirma fl-għassa tal-Pulizija, waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.
Skont rapporti fil-media, il-koppja tinsab maħruba u marret lejn is-Serbja. Għalkemm, il-Pulizija għadha ma kkonfermat xejn dwar dan il-każ.
Net News għamel kuntatt mal-Pulizija dwar dan il-każ u wara jumejn ta’ stennija ħadna biss it-tweġiba li Jomic jinsab fuq il-lista ta’ persuni mfittxija u qed jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji, għalkemm dawn l-azzjonijiet ma ġew speċifikat.
Fil-fatt, minn din il-lista ta’ ħames mistoqsijiet:
- Konferma li hemm rapporti dwar l-għibien tal-koppja;
- Konferma dwar jekk il-koppja tinsabx maħruba s-Serbja;
- Jekk l-Interpol ġewx mgħarfa dwar Jomic;
- Jekk sarx Mandat ta’ Arrest Ewropew;
- U kif il-koppja rnexxilha taħrab mill-pajjiż filwaqt liema mezz ta’ trasport intuża’.
… il-Pulizija ma wieġbet l-ebda minnhom għajr waħda permezz ta’ tweġiba xotta.
Ir-raġel imfittex għandu rekord kriminali twil… kif ukoll mhux l-ewwel darba li ħarab mill-pajjiż meta kien jinsab fuq bail.
Infatti lura fl-2015, hu ġie arrestat abbord ferrovija fi Sqallija li kienet sejra lejn l-Italja, wara li telaq minn Malta hekk kif affaċċja proċeduri kriminali relatati mat-traffikar tal-kannabis.