Lokali

Konferma oħra tal-għaqal u l-viżjoni fit-tul tal-PN fl-enerġija

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tat-tieni interconnector mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Dan intqal min Mark Anthony Sammut, il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija u l-Intrapriża.

Dan il-proġett jikkonferma l-għaqal tal-viżjoni fit-tul għall-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista, li kien pjana għal dan it-tieni interconnector sa mill-bidunett, u kien ukoll parti integrali mill-pjan fit-tul għall-enerġija li l-Partit Nazzjonalista kien ippubblika fil-bidu tal-2021.

Ta’ min jinnota kif meta ġie biex ikun hemm tisħiħ fil-kapaċità tal-provvista tal-enerġija f’pajjiżna, il-Partit Laburista ma reġax għażel it-triq tal-monument tal-korruzzjoni tal-LNG li fl-2013 kien qalilna li kien is-soluzzjoni għal kollox, iżda għażel it-triq li kien pjana l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjoni l-fatt li llum il-Gvern fehem li din hija proposta meħtieġa sabiex pajjiżna jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jikkumplimenta l-qalba għall-enerġija rinovabbli, u jħaffef il-proċess biex inaqqas l-emissjonijiet.Il-Partit Nazzjonalista jittama li dan ikun kumplimentat bl-investiment u tisħiħ meħtieġ fis-sistema ta’ distribuzzjoni sabiex l-enerġija mhux biss tasal Malta, imma tkun tista’ titwassal sa kull dar.