Futbol Sport

Manchester United idawwru telfa f’rebħa f’Old Trafford… Draw diżappuntanti għal Arsenal kontra Fulham

(Ritratt: EPA)

F’Old Trafford Manchester United dawwru telfa f’rebħa kontra Nottingham Forest biex għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2. Taiwo Awoniyi poġġa lil Nottingham Forest fil-vantaġġ wara biss 86 sekonda, b’ Willy Boly jiskorja direttament minn freekick minuti wara. B’Forest żewġ gowls vantaġġ, reazzjoni minn Manchester United fis-17-il minuta meta kien Christian Eriksen li naqqas id-distakk. Fit-52 minuta Manchester United kisbu l-gowl tad-draw meta minn freekick maħdum tajjeb kien Casemiro li finalment xeħet fix-xibka għal 2-2. Fis-67 minuta tkeċċa Joe Warrall qabel fis-76 minuta kien Bruno Fernandes li mill-ħdax-il metru xeħet fix-xibka, u ta rebħa importanti lit-tim mmexxi minn Erik Ten Hag.

Draw diżappuntanti ta’ 2-2 għal Arsenal f’darhom kontra Fulham. Kienu Fulham li fetħu l-iskor kmieni fil-partita meta minn żball ta’ Bukayo Saka, kien Andreas Pereira li approfittta u xeħet wara Aaron Ramsdale għal 1-0. B’Arsenal jiddominaw il-pusses tal-ballun, huma kisbu d-draw fis-70 minuta meta id-difensur Tete waqqa’ lil Fabio Vieira fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Mill-ħdax –il metru Bukayo Saka ma żbaljax għal 1-1. Tliet minuti wara, Arsenal fil-vantaġġ, meta għal darb’oħra kien is-sostitut Fabio Vieira li sab lil Eddie Nketiah fil-kaxxa u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Bernd Leno għal 2-1. Fulham spiċċa jilgħabu b’għaxar plejers meta tkeċċa Calvin Bassey għat-tieni karta safra. Biex hekk kif Arsenal kienu resqin lejn it-tliet punti, kien Joao Palhinha li skorja il-gowl tad-draw u ta’ punt importanti lil Fulham.

Rebħa konvinċenti oħra għal Tottenham barra minn darhom kontra Bournemouth bl-iskor ta’ 2-0. Huma fetħu l-iskor is-17-il minuta meta Sarr żmarka lil James Maddison fil-kaxxa li xeħet fix-xibka għal 1-0. Tottenham għalqu l-partita fit-63 minuta meta Destiny Udogie għadda lejn Dejan Kulusevski li kkonkluda fix-xibka għal 2-0.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Chelsea v Luton 3-0
Illum: B’Mouth v Tottenham 0-2, Arsenal v Fulham 2-2, Brentford v C. Palace 1-1, Everton v Wolves 0-1, Man Utd v Nott. Forest 3-2, Brighton v West Ham 1-3
Għada: Burnley v A. Villa 3.00pm, Sheff. Utd v Man City 3.00pm, Newcastle v Liverpool 5.30pm