Raġel ta’ 67 sena mill-Fgura qed isofri minn ġrieħi serji u qed jissielet għal ħajtu wara li żewġ ħallelin daħlu f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq, rabtu lir-raġel u serqu diversi oġġetti qabel ħarbu mill-post tas-serqa.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-8pm fi Triq Dun Ġużepp Zammit fejn meta waslu, il-Pulizija sabet il-bieb tal-ħanut imsakkar. Madanakollu, minn barra setgħu jaraw lill-vittma marbut bi ġrieħi fuq ġismu.
Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikunu jistgħu jidħlu fuq ġewwa tal-propjetà. Tim mediku kien ukoll fil-post biex jassisti lill-vittma fejn iktar tard ittieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ hu mitlub li jgħaddiha lill-Pulizija sabiex iż-żewġ persuni involuti jiġu arrestati.

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta