Neptunes jew San Ġiljan? Din hi l-mistoqsija fuq fomm id-dilettanti tal-waterpolo lokali. Mil-lum fis-6.30pm sa massimu l-Erbgħa li ġej se jkollna r-risposta hekk kif dawn iż-żewġ rivali jilagħbu l-finali tal-play-off l-aqwa minn tliet logħbiet għar-rebħ tal-Kampjonat tas-Sajf.
Iż-żewġ klabbs jinsabu biss ftit metri bogħod minn xulxin u fl-aħħar snin iddominaw ix-xena lokali. L-aħħar 13-il kampjonat intrebħu minnhom – 9 minn Neptunes u 4 minn San Ġiljan filwaqt li fl-aħħar għaxar edizzjonijiet tan-knock-out, San Ġiljan rebħu tmienja minnhom b’Neptunes jirbħu t-tnejn l-oħra. Dan minbarra unuri oħra.
Matul dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet ikkonfermaw li huma l-aqwa. San Ġiljan rebħu l-unuri kollha din is-sena jiġifieri l-Enemed Cup, il-Kampjonat tax-Xitwa, it-Tazza tal-President u n-knock-out. Madankollu, f’dan is-sajf għadhom ma rebħux kontra Neptunes, bil-konfront tal-15 ta’ Lulju ntemm 12-12 filwaqt li fit-2 ta’ Awwissu Neptunes ħarġu rebbieħa 11-7.
Il-bilanċ tal-aħħar għaxar snin
F’kompetizzjonijiet tas-sajf ta’ dawn l-aħħar għaxar staġuni, Neptunes u San Ġiljan iltaqgħu xejn anqas minn 44 darba b’total ta’ 895 gowl għal medja ta’ madwar 20 gowl kull logħba.
Inċidentalment f’dawn il-logħbiet, Neptunes skorjaw biss seba’ gowls iktar minn San Ġiljan madankollu l-Ġiljaniżi rebħu 21 minn dawn l-44 konfront kontra t-18-il rebħa ta’ Neptunes, b’ħames logħbiet oħra jispiċċaw fi draw.
Jekk wieħed ineħħi mill-istampa l-logħbiet tan-knock-out u tat-Tazza tal-President u jiffoka biss fuq logħbiet tal-kampjonat, Neptunes rebħu 16 minn 32 logħba mill-2014 kontra t-12-il rebħa ta’ San Ġiljan, b’erba’ logħbiet oħra spiċċaw indaqs.
Iktar minn hekk, fl-aħħar għaxar dwelli tal-kampjonat, San Ġiljan rebħu ħamsa kontra l-erba’ rebħiet ta’ Neptunes u d-draw li kien hemm aktar kmieni dan is-sajf. Insomma, kollox ma’ kollox il-miżien jersaq lejn il-bilanċ u jxaqleb lejn tim jew ieħor skont iċ-ċirkostanzi.
Fost l-iktar konfront li spikkaw fl-aħħar snin
Fl-aħħar 18-il konfront tal-kampjonat bejniethom, kien f’okkażjoni waħda biss meta t-tim rebbieħ rebaħ b’aktar minn erba’ gowls distakk, xhieda ta’ konfronti missielta bejn dawn it-tnejn. Jekk wieħed ireġġa l-arloġġ ftit lura, żgur li jiftakar logħbiet li jibqgħu popolari minħabba r-riżultat finali.
22 ta’ Ġunju 2016 – San Ġiljan Salini Resort v Neptunes Grimaldi 5-15
Dakinhar Neptunes kienu umiljaw lil San Ġiljan li kienu r-rebbieħa renjanti. Stevie Camilleri kien spikka b’erba’ gowls u markament strett fuq Boris Vapenski minkejja li kien b’żewġ fawls personali għal ħafna ħin.
Neptunes kienu temmew it-tieni sessjoni 6-2 minn, ixxalaw fit-tielet sessjoni li temmewha 11-3 u kellhom iċ-ċans li jkabbru d-distakk finali għal għaxar gowls. Dakinhar il-barrani ta’ Neptunes kien ir-Rumen Cosmin Radu filwaqt li Boris Vapenski kien il-barrani ta’ San Ġiljan.
Minn dak it-tim flimkien ma’ Camilleri, għad hemm ħuh Jordan u l-gowlkiper Alan Borg Cole li għadhom jilagħbu ma’ Neptunes.
29 ta’ Ġunju 2017 – Neptunes Leo Vegas v San Ġiljan TUM Invest 4-14
Is-sena 2017 tibqa’ waħda sinonima mad-dominju ta’ San Ġiljan u din il-logħba kienet waħda li żgur tibqa’ fl-imħuħ tal-partitarji ta’ dan il-klabb. F’sena prattikament perfetta, San Ġiljan pattew għat-telfa umiljanti tas-sena ta’ qabel.
San Ġiljan kienu ħarġu biex jiddominaw u rebħu l-ewwel sessjoni 6-2 filwaqt li temmew it-tieni waħda 10-3 u għalqu l-logħba. Minkejja li kienu naqqsu ftit ir-ritmu, San Ġiljan ma ħallewx lil Neptunes inaqqsu d-distakk u rebħu ż-żewġ sessjonijiet ta’ wara għal rebħa dominanti ta’ 14-4.
Mit-tim li rebaħ din il-logħba, Jake Tanti, Andreas Galea, Matthew Zammit, Ben Plumpton u Darren Zammit għadhom jiffurmaw parti mit-tim preżenti ta’ San Ġiljan. Aleksandar Ivovic li llum jilgħab ma’ Neptunes kien spikka dakinhar għal San Ġiljan filwaqt li s-centre Jeremy Abela dakinhar kien jifforma parti mit-tim ta’ Neptunes.
L-influwenza taż-żewġ captains
Iż-żewġ captains huma plejers sinonimi mal-klabbs rispettivi. Stevie Camilleri – 36 sena magħluqa u Matthew Zammit – 36 sena f’Ottubru li ġej. Plejers ta’ kwalità li tul il-karriera esperjenzaw minn kollox. Captains tat-tim nazzjonali, Plejers tas-Sena tal-ASA, rebħ ta’ unuri ta’ kull tip u partikolari bil-karattri tagħhom.
Id-dwell tal-barranin
Bir-ritorn dan is-sajf tal-plejers barranin, l-attenzjoni ddur fuqhom ukoll. Aleksandar Ivovic u Filip Filipovic għal Neptunes u Maro Jokovic u Aaron Younger għal San Ġiljan. Kollha urew il-kwalità tagħhom b’modi differenti.
Ivovic li fil-passat lagħab ma’ San Ġiljan, għandu 37 sena u hu s-surmast tat-tim. Filipovic juri l-kwalità tiegħu fil-fażi realizzattiva speċjalment minħabba li hu xellugi, pożizzjoni li Neptunes għandhom nuqqas fiha.
Jokovic kellu bidu kajman iżda aktar ma bdew jgħaddu logħob, aktar beda jidħol fl-iskemi ta’ Zeljko Kovacic. Younger jagħti l-kwalità miżjuda fit-tim Ġiljaniż speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà.
//= $special ?>