NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 10
SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 12
(2-4), (4-3), (2-1), (2-4)
L-ewwel logħba marret għal San Ġiljan JP Projects u b’dan ir-riżultat jinsabu rebħa bogħod mit-13-il kampjonat fl-istorja tagħhom u l-ħames tazza minn ħamsa din is-sena. Attendenza sabiħa li kompliet issebbaħ il-logħba bejn l-aqwa żewġ timijiet fil-preżent. Il-konfront żamm mal-aspettattiva fis-sens li kienet intensa u aggressiva iżda kollox ma’ kollox milgħuba fuq spirtu sportiv ta’ finali.
Determinanti għal San Ġiljan kien il-bidu b’saħħtu li kellhom. Dan wassal biex Neptunes kellhom jiġru wara r-riżultat il-ħin kollu u għalkemm l-isforzi tagħhom, qatt ma rnexxielhom imorru fil-vantaġġ. L-uniku konsolazzjoni għalihom il-persentaġġ pożittiv minn man-ups hekk kif skorjaw nofs l-okkażjonijiet li kellhom.
Kontra ta’ dak li seħħ matul dan is-sajf, din il-logħba kienet ikkontrollata minn żewġ referees Taljani li ma qagħdux jaħsbuha darbtejn biex jeskludu l-plejers, b’madwar 30 opportunità ta’ superjorità numerika fil-logħba.
L-Awstraljan Aaron Younger wera l-kwalitajiet tiegħu hekk kif San Ġiljan ħadu vantaġġ bikri. L-ewwel fetaħ l-iskor minn man-up, b’Filip Filipovic iġib id-draw minn penalty. Nikolai Zammit ta l-vantaġġ mill-ġdid lil San Ġiljan b’xutt li ħabat mal-lasta qabel daħal fix-xibka. Imbagħad kien imiss lil Younger li b’doppjetta kabbar il-vantaġġ għal 4-1. Stevie Camilleri naqqas id-distakk minn man-up.
Neptunes saħansitra rkupraw l-iżvantaġġ b’doppjetta ta’ Camilleri minn man-up li għamlet l-iskor 5-5. San Ġiljan wieġbu immedjatament u reġgħu bnew vantaġġ doppju minn Andreas Galea u Younger sakemm Ivovic żamm lil Neptunes qrib.
Fit-tielet sessjoni, Neptunes bdew jinnewtralizzaw aktar l-attakki tal-avversarji filwaqt li San Ġiljan ma kinux preċiżi meta kellhom iċ-ċans tant li skorjaw biss man-up minn ħamsa li kellhom. Sam Gialanze ġab id-draw, Matthew Zammit lil San Ġiljan minn fuq u Camilleri reġa’ ġab id-draw, gowls li kollha waslu minn man-ups.
Neptunes kellhom jerġgħu jirkupraw wara li Younger u Darren Zammit għamluhom 10-8. Filipovic u Jake Muscat minn man-up annullaw id-differenza iżda immedjatament Matthew Zammit żamm lil San Ġiljan fil-vantaġġ. Minkejja li kien fadal madwar żewġ minuti, Neptunes kellhom iċ-ċans tad-draw li fallew, b’Maro Jokovic jieħu vantaġġ mill-attakk sussegwenti u għalaq il-logħba.
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), S. Gialanze (1), G. Pace, M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (3), J. Camilleri, A. Ivovic (2), F. Filipovic (2), A. Fenech, E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja, A. Fava
San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea (1), B. Plumpton, M. Jokovic (1), M. Zammit (3), J. Bonavia, A. Younger (5), J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit (1), R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, N. Bonavia
Referees: Fabio Brasiliano, Massimo Calabro
//= $special ?>