Futbol Sport

Serie A: It-timijiet il-kbar ifittxu t-tieni rebħa

(Ritratt: EPA)

Illum tibda t-tieni ġurnata tal-kampjonat tas-Serie A fejn ma tispikka l-ebda logħba u fejn l-hekk imsejħa timijiet il-kbar mistennija jiksbu t-tieni rebħa tagħhom.

Forsi l-iktar logħba mistennija hi dik tal-lejla f’San Siro fejn Milan jospitaw lil Torino. Milan għamlu diversi akkwisti dan is-sajf, u neħħew ħafna plejers ukoll u għalhekk Pioli hu msejjaħ għal biċċa xogħol impenjattiva biex jerġa’ jibni skwadra kompettitiva.

Fl-ewwel ħarġa Milan impressjonaw u kisbu tliet punti għand Bologna b’żewġ goals fil-bidu tal-logħba. Illum jibdew favoriti kontra Torino, anke jekk il-Granata dejjem kienu ta’ wġiegħ ta’ ras għar-Rossoneri.

Torino fl-ewwel logħba f’darhom kellhom jikkuntentaw bi draw kontra Cagliari ta’ Claudio Ranieri u llum ikunu bla dubju kuntenti bi draw ieħor.

Iċ-champions Napoli mhux mistennija li jfallu fi Stadio Diego Armando Maradona kontra Sassuolo, l-istess kif mhux mistennija jfallu Juventus f’darhom kontra Bologna.

Kemm Napoli kif ukoll Juventus kellhom prestazzjoni ferm tajba fid-debutt.

Inter għandhom l-iktar logħba impenjattiva f’Sardinja kontra Cagliari, filwaqt li ż-żewġ timijiet tal-kapitali jridu jistejqru wara li kellhom debutt ferm negattiv.

Roma, li fl-ewwel logħba kienu miżmuma minn Salernitana, illejla jkun fil-Bentegodi kontra Hellas Verona, filwaqt li Lazio, li tilfu l-ewwel logħba kontra Lecce, ikunu fl-Olimpico kontra Genoa, fejn il-Grifoni kellhom ritorn diżastruż fis-Serie A fejn dabbru ħamsa kontra Fiorentina.

Il-Vjola fost il-ġimgħa tilfu kontra Rapid Vienna fil-Conference League u għada jospitaw lil Lecce.

Illum

18:30 Frosinone v Atalanta

18:30 Monza v Empoli

20:45 Milan v Torino

20:45 Verona v Roma

Għada

18:30 Fiorentina v Lecce

18:30 Juventus v Bologna

20:45 Lazio v Genoa

20:45 Napoli v Sassuolo

It-Tnejn

18:30 Salernitana v Udinese

20:45 Cagliari v Inter