Lokali

Wara li attakka lil min qiegħed jistaqsi – Johann Grech ma jweġibx id-domandi ta’ Net News

Attakk fuq il-pajjiż – iridu jfixklu l-investiment barrani minn pajjiżna.

Hekk sostna l-eks Mexxej tal-Marketing tal-Gvern fi żmien it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, illum Kummissarju tal-Films ta’ pajjiżna – Johann Grech permezz ta’ filmat ippubblikat fuq Facebook.

Ironikament il-messaġġ tiegħu ma kienx ippubblikat fuq il-paġna tal-Malta Film Commission, iżda fuq il-paġna tiegħu, għaliex din għadha hacked wara xahar.

Wara li bosta ġurnalisti, opinjonisti, u esperti qed jistaqsu dwar in-nefqa tal-Malta Film Commission mit-taxxi tal-Maltin u Għawdxin u x’introjtu qed iddaħħal il-Kummissjoni, Johann Grech – fi skritt deskritt minn bosta bħala wieħed surreali ta’ x’jifhem li min qiegħed jistaqsi qiegħed jattakka lil Malta.

Huwa kompla billi beżża lil ħaddiema li jekk ikomplu jsiru dawn id-domandi se jispiċċaw jirreġistraw – daqslikieku mhux domandi leġittimi li huma obbligati jsiru…daqskemm hemm obbligu li jiġu mwieġba.

Madanakollu l-Kummissarju tal-Films kompla għaddej b’retorika politika u kemmxejn partiġġjana għaliex jekk hemm xi dubju – fil-vesti tiegħu huwa indirizza lis-segwaċi tiegħu saħansitra għan-nom tal-Gvern tal-ġurnata.

Għaldaqstant wara dan l-ispeech Net News bgħat sensiela ta’ domandi lil Grech permezz ta’ email fejn bil-premessa li dawn il-mistoqsijiet ma kienu bl-ebda mod intiżi biex isir xi attakk fuq il-pajjiż bdejna nistaqsu dwar kemm ħolqot impjiegi full-time il-Malta Film Commission f’dawn l-aħħar 10 snin kif ukoll kemm ġie jiswa l-Mediterrane Film Festival organizzat aktar kmieni dan is-sajf kif ukoll kemm ġew jiswew il-Malta Film Awards organizzati s-sena l-oħra.

Staqsejna kemm-il darba l-Kummissjoni marret  over budget fl-aħħar 10 snin, u jekk qatt marru…kemm kienet iċ-ċifra.

Għan-nom ta’ trasparenza staqsejnih kemm hija l-paga tiegħu, kif ukoll min qed jagħmel tajjeb għal ikliet, laqgħat, festini u safar tal-Kummissjoni – filwaqt li staqsejna kemm qed jammonta dan kollu.

Net News staqsa wkoll għalfejn il-kumpaniji lokali bbenefikaw biss minn €6,000,000 fl-aħħar 5 snin filwaqt li dawk barranin daħlu €137,000,000 minn dawn il-fondi.

Saqsejna wkoll kif jippretendi lill-poplu jafdah bin-nefqa ta’ miljuni ta’ ewro minn flusu meta lanqas kien kapaċi joffri serħan il-moħħ fuq sempliċi paġna ta’ Facebook.

Finalment saqsejna lil Johann Grech jekk baqax jagħmel xogħol tal-marketing lill-Gvern anke wara li temm il-pożizzjoni li kellu taħt it-tmexxija tal-amministrazzjoni preċedenti ta’ Joseph Muscat.

Sa issa ma rċevejna ebda risposta – muta assoluta.