Budget 2024 Lokali

“Aħjar nefqu l-flus fis-saħħa milli fuq Hollywood” – MAM

Kienet tkun aħjar kieku l-Gvern nefaq €40 miljun fuq il-pazjenti, minflok fuq Hollywood.

Dan sostnieh il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan f’kumment mal-Malta Independent b’referenza għall-miljuni li l-Gvern se jagħti lil kumpanija li ser tipproduċi s-sequel tal-film Gladiator – film li bħalissa l-produzzjoni tiegħu tinsab sospiża.

Dawn il-kummenti tal-President tat-Tobba waslu wara li Johann Grech, il-Kummissarju tal-Films ippubblika video biex jiddefendi l-miljuni li qed jintefqu. Video li matulu, Johann Grech nesa li hu Kummissarju tal-Films – u spiċċa daqs li kieku kelliem tal-Gvern.

Mal-Independent, it-tabib Balzan insista illi pajjiżna …bħalma joħroġ flus għall-films, għandu jagħmel investiment b’saħħtu fl-isptar Mater Dei – sptar illi spiċċa biddel canteen u kurituri fi swali permanenti. Bil-pazjenti qed jinħaslu f’mobile showers.

Martin Balzan spjea li ħafna min dawn is-swali anqas biss għandhom ventilazzjoni jew dawl; sitwazzjoni li mhux waħda xierqa għall-pazjenti li jiġu rikoverati f’Mater Dei.

It-tabib Balzan spjega kif is-settur tas-saħħa għaddej minn żmien ta’ kriżi – u fl-isptar għad hemm sitt swali li suppost jintużaw għal żminijiet ta’ kriżi biss, iżda issa qegħdin jintużaw ilħinkollu, minkejja li mhumiex swali xierqa.

Fl-intervista, Martin Balzan irrefera wkoll għal fatt li l-Gvern tajjar mal-€400 miljun għal ftehim tal-Vitals u Steward – ftehim li minnu s-settur tas-saħħa ma gwadanja xejn.

Mal-Independent, tkellem ukoll il-President tal-MUMN Paul Pace illi irrefera għan-nuqqas ta’ riżorsi f’Mater Dei.

Hu semma wkoll kif għalxejn il-Gvern ikabbar l-isptar meta hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Dan filwaqt illi insista li hemm bżonn li l-ftehim li daħal fis-seħħ bejn il-Gvern u l-MUMN jimxi ‘l quddiem sabiex jinkoraġġixxi lil infermiera jibqgħu fil-professjoni, u jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jidħlu f’din il-professjoni.