“Quddiem l-allegazzjoni li ħarġet fid-dawl f’dawn l-aħħar jiem dwar ix-xiri tal-voti, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela għandhom jieħdu azzjoni immedjatament. Dan għaliex din hija allegazzjoni li qed thedded is-sisien ta’ pajjiżna.”
Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervent telefoniku li għamel il-Ħadd filgħodu fuq Net FM.
Dwar il-każ tax-xiri tal-voti mill-Partit Laburista, Bernard Grech qal li din hija allegazzjoni serja ħafna minn xi ħadd li kien jimmilita fi ħdan il-Partit Laburista. Saħaq li din il-kwistjoni hi materja li fuqha tibbaża ħafna d-demokrazija ta’ pajjiż modern.
Bernard Grech fakkar kif dan ir-raġel li kien uffiċjali tal-PL qed jallega li l-PL mis-sena 2013 ‘l hawn kien qed juża modi frawdalenti dwar persuni li jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali… allegazzjoni li thedded is-sisien tad-demorkarijza ta’ pajjiżna.
Huwa saħaq li f’dan il-pajjiż, li suppost għandu istituzzjonijiet li jaħdmu… sal-lum kulma smajna kienu attakki fuq il-PN u Kumissjoni Elettorali li qalet li m’għandhiex x’taqsam… fejn ma smajna xejn min-naħa tal-Kummissarju tal-Puliziija Angelo Gafa u minn Robert Abela. Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li se jibqa’ jagħmel pressjoni biex ikun żgurat li affarijiet bħal dawn ma jsirux.
Bernard Grech qal li Robert Abela għandu obbligu lejn il-poplu Malti quddiem din l-allegazzjoni serjissima… fejn jekk din l-allegazzjoni hija veritiera, għandha tintrefa’ responsabbiltà minn dawk kollha involuti.
Il-Kap tal-PN qal li issa huwa ċar li l-Maltin huma mxebbgħin dwar is-sitwazzjoni li għaddej minnha pajjiżna, fejn il-politika ta’ żieda fil-popolazzjoni, qed iġġib lil pajjiżna għarkobbtejh fosthom fis-settur ambjentali, infrastrutturali u anke fis-settur tas-saħħa. Huwa qal li l-problema tal-ħmieġ f’ċerti lokalitajiet qed twasal biex il-poplu Malti mgħadux jgħix ħajja li tixraqlu.
Bernard Grech qal li l-PN ippreżenta l-pjan tiegħu għal dan is-settur fejn wieħed jista’ jimxi ‘l quddiem bil-ħiliet u l-abbiltajiet tiegħu. Huwa tkellem dwar il-mudell ekonomiku li qed jimxi fuqu Robert Abela, li kważi ħadd mhu jaqbel miegħu. Quddiem dan kolli il-PN irid li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku li jibbaża fuq pilastri ekonomiċi b’saħħithom. Dan hekk kif il-poplu Malti jixraqlu li jgħix f’pajjiż aħjar bi kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.
//= $special ?>