“Hemm differenza kbira minn meta wieħed imur holiday u ieħor li joqgħod fil-pajjiż. Waqt holiday kollox sabiħ hux.”
“Bir-rispett kollu, intom tkellimtu ma’ turist li jiġi ġimgħa għal btala u jitlaq. Tkellmu man-nies Maltin li jgħixu Malta, li jafu kif konna għal kif ġejna issa u taraw x’risposta jatukom.”
Kumment wara l-ieħor fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ ONE News li f’ħakka t’għajn imtliet kollha kummenti negattivi ta’ persuni jkkritikaw l-impatt tat-turiżmu u jesprimu nostalġija għas-sbuħija li Malta kellha snin ilu.
Din kienet ir-reazzjoni għall-artiklu ppubblikat minn ONE News dwar l-esperjenza tat-turisti wara li żaru pajjiżna.
B’kummenti minnhom jgħidu li t-turisti jesperjenzaw biss is-sbuħija tal-wiċċ u n-natura temporanja tal-ammirazzjoni tal-post waqt il-vaganzi. Is-sentiment fost ħafna Maltin hi l-ħtieġa li l-ġid taċ-ċittadini Maltin jiġi prijoritizzat fuq it-turiżmu, filwaqt li jinnotaw differenzi bejn is-siti pittoreski reklamati u r-realtajiet ħorox li jiffaċċjaw in-nies tal-lokal f’ċerti żoni.
Iż-żieda allarmanti fil-popolazzjoni, t-traffiku, id-dewmien fil-proġetti tat-toroq, il-provvista tal-elettriku, il-pagi, l-għoli tal-ħajja – dawn huma biss uħud mill-affarijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum, għal kuntrarju tat-turist li jiġi jqatta’ ġimgħa jew saħansitra jumejn jew tlieta jilgħaq ix-xemx u jirrilassa f’xi waħda mill-ħafna lukandi li wieħed jista’ jsib f’din id-daqsxejn ta’ gżira.
B’kuntrast qawwi man-narrattiva tal-ONE dwar il-ġmiel ta’ Malta għat-turisti, ħarġu diversi kummenti u opinjonijiet. Interessanti l-fatt, li filwaqt li xi wħud iżommu ħarsa pożittiva, jirrikonoxxu s-sbuħija li toffri din il-gżira, oħrajn jesprimu diżappunt għat-trasformazzjoni kkawżata minn dik li jirreferu għaliha bħala l-“marda tal-konkos”.
B’kummenti oħra jgħidu li tal-ONE jidhru li ma staqsewx lil turisti li żaru Kemmuna u l-Blue Lagoon fl-aħħar ġimgħat u xhur. Fil-fatt dawn it-turisti ta’ spiss jiktbu bosta kummenti… fejn f’review wara l-ieħor jgħidu kemm huma ddiżappuntati li żaru din il-ġżira hekk kif stennew li se tkun ferm differenti minn dak li sabu. B’kumment minnhom jgħid li ż-żona mhix kif kienet reklamata. Persuna oħra qalet kif il-ġżira kienet mimlija nies u b’ħafna sunbeds f’żona żgħira.
Ftit tal-ġranet ilu NET News wera wkoll siltiet mill-filmat li ttella’ fuq Youtube, minn vlogger li ddeskriva l-esperjenza tiegħu f’pajjiżna b’mod xejn sabiħ.
Alex Mark fisser kif il-pjazza ta’ Buġibba hi perikoluża ferm, ir-ristoranti huma mdawrin b’siti ta’ kostruzzjoni u l-bankini mimlijin boroż taż-żibel. Dan apparti t-traffiku li ma jispiċċa qatt.
Hu b’dan il-mod li turisti u barranin qed jirriklamaw lil Malta fuq il-mezzi soċjali wara li qed iqattgħu perjodu ta’ żmien f’pajjiżna. U dan huwa kollu tort tat-tmexxija ħażina u nuqqas ta’ pjanar min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela.
//= $special ?>