Il-Gvern Malti spiċċa fit-tieni post mal-agħar pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti.
Dan hekk kif skont stħarriġ li sar mill-koalizzjoni bl-isem CASE… ILli taħdem kontra każijiet ta’ SLAPP madwar l-Ewropra kollha… Malta u l-Polonja huma l-iktar żewġ pajjiżi li għandhom problema ta’ ġurnalisti li qed jaffaċċjaw fastidju f’xogħlhom. U dan qed iwassal għal valutazzjoni inkwetanti dwar il-libertà tal-media fil-pajjiż.
Bi 88 każ, il-Gvern Malti spiċċa fit-tieni post f’din il-lista.
U meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ pajjżna, Malta għandha total ta’ kważi 20 każ għal kull 100,000 abitant.
Fl-ewwel post hemm il-Polonja b’128 każ filwaqt li wara Malta hemm hemm Franza b’76 każ, il-Kroazja b’54, is-Slovenja bi 42, l-Italja bi 32 u l-Irlanda b’31 każ.
Bħalissa l-Unjoni Ewropea għaddejja minn proċess fejn qed taħdem fuq liġi kontra l-ISLAPP – miżuri ġodda u konkreti biex jipproteġu lill-ġurnalisti minn kawżi abbużivi li jitressqu biex isikktu lill-ġurnalisti.
Din il-liġi għandha twassal biex tingħata iktar saħħa lill-Imħallfin ħalli jieħdu azzjoni u jkunu penalizzati dawk li jabbużaw minn din il-liġi.
Ir-rapport tal-federazzjoni CASE juri li l-maġġoranza tal-abbużi jibdew minn politiċi, entitajiet tal-istat kif ukoll minn negozjanti… li jammontaw għal 340 u 335 każ rispettivament, minn total ta’ 820 każ li kienu rappurtati.
Il-maġġoranza tal-vittmi kienu ġurnalisti u edituri. Iżda kien hemm ukoll attivisti minn NGO’s u akkademiċi.
Il-malafama kienet l-iktar każ komuni rappurtat, fejn kien hemm total ta’ 590 każ. Dan kien segwit minn każijiet ta’ allegat ksur ta’ privatezza. Fil-qalba ta’ dawn l-ilmenti kien hemm il-kwistjoni ta’ allegata korruzzjoni… f’total ta’ 181 każ.
L-Unjoni Ewropea ilha għal dawn l-aħħar snin issaħħħaħ il-ħidma tagħha f’dan is-settur sabiex tipproteġi l-media. Dan hekk kif tinsab tederminata li tissavagwardja r-raba’ pilasturu tad-demokrazija… u ittemm l-abbuż tas-sistemi ġudizzjajri.
//= $special ?>