Internazzjonali

Franza: Provi dwar massakru ta’ priġunieri Ġermaniżi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija

L-arkeoloġisti fi Franza sabu provi relatati mal-esekuzzjoni ta’ priġunieri Ġermaniżi taħt idejn il-ġellieda tar-Reżistenza Franċiża matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-indikazzjonijiet huma li l-priġunieri  kienu sfurzati biex iħaffru l-oqbra tagħhom stess qabel spiċċaw iffuċillati – bil-massakru jseħħ ftit jiem wara l-inżul tal-qawwiet Alleati fin-Normandija waqt l-Operazzjoni D-Day li ġabet fi tmiem l-okkupazzjoni tal-Ewropa mill-qawwiet Nażisti.

Intant, l-arkeoloġisti Franċiżi u Ġermaniżi li ilhom il-jiem ifittxu għall-provi tal-massakru elevaw numru ta’ balal u anki l-muniti minn sit remot qalb zona dominata bl-għoljiet viċin il-belt ta’ Meymac. Is-sit kien identifikat minn anzjan, Xavier Kompa, li mifhum li hu l-aħħar bniedem li għadu ħaj fost in-nies li kienu preżenti għall-qtil tal-priġunieri.

F’Ġunju tal-1944, il-ġellieda tar-Reżistenza Franċiża kienu qed jgħinu lill-Alleati waqt l-invażjoni tan-Normandija u s-sorsi viċin l-arkeoloġisti qalu li t-tfittxija għall-katavri għandha tkompli matul il-ġimgħa – anki jekk għalissa ma nstabux fdalijiet umani.

Is-sit tal-iskavar hu magħluq għall-pubbliku u l-membri tal-istampa – bl-iskavar għalissa jinsab sospiż sakemm issir analiżi ġdida tal-art inkwistjoni flimkien mas-sejbiet makabri.