It-Tmexxija tar-Russja għall-ewwel darba kkonfermat uffiċjalment il-mewt ta’ Yevgeny Prigozhin, il-kap tal-grupp Wagner magħmul mill-paramilitari merċenarji li f’Ġunju kien fallielu kolp ta’ stat intiż biex iqaċċat ir-reġim tal-President Vladimir Putin – eks-alleat ta’ Prigozhin.
Il-konferma ngħatat proprju erbat ijiem wara li splużjoni, fil-25 ta’ Awwissu, qerdet l-ajruplan li kien qed jivvjaġġa fiha Prigozhin, flimkien ma’ disa’ persuni oħra u li kien qed itir minn Moska lejn il-belt ta’ San Pietruburgu.
L-ajruplan niżel f’balla nirien viċin il-villaġġ ta’ Kuzhenkino, fir-reġjun Russu ta’ Tver, u minn dakinar ma naqsitx l-ispekulazzjoni dwar x’seta’ seħħ tassew. L-ispekulazzjoni qed tikkonċentra fuq ‘il-mezzi li ntużaw’ għall-eliminazzjoni ta’ Prigozhin u jekk Vladimir Putin innifsu kienx wara din l-azzjoni.
Intant, il-konferma li Yevgeny Prigozhin kien fost il-passiġġieri maqtula ngħatat wara l-għaxar katavri elevati mit-tifrik tal-ajruplan kienu suġġetti għal proċess ta’ analiżi ġenetika.
U l-Kumitat Investigattiv bir-responsabbiltà li jgħin fl-inkjesta sostna wkoll li l-membri tiegħu konfermaw l-identitajiet tal-għaxar vittmi kollha…Identitajiet li jikkorrispondu mal-lista tal-ismijiet involuti f’dak il-vjaġġ fatali.
Sadanittant, il-Kremlin ta’ Moska għadu qed jiċħad li seta’ kellu x’jaqsam mat-tiġrif tal-ajruplan, bil-Kumitat Investigattiv qed ikompli b’inkjesta kriminali.
Minbarra Prigozhin, miet ukoll fit-tiġrif il-Viċi-Kap tal-Wagner Dmitry Utkin — neo-Nażista li kien strumentali fit-twaqqif tal-grupp Wagner li l-paramilitari tiegħu fl-aħħar snin kienu involuti f’kampanji militari fis-Sirja, il-Libja, Mali, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana u Stati oħrajn fejn qed jiddominaw il-kaos u l-istabbilità.
Intant, baqgħu għaddejjin id-domandi dwar jekk il-qerda ta’ Prigozhin u Utkin seħħitx bħala azzjoni ta’ tpattija mill-President Putin, ftit xhur biss wara li l-ġellieda tal-Wagner kienu rribellaw kontra l-Armata tal-Gvern Russu….L-episodju kien qanqal biża’ u tensjoni kbira fost il-Kremlin speċjalment wara li l-merċenarji kienu ħatfu l-kontroll fil-belt ta’ Rostov qabel avvanzaw sa ftit għexieren ta’ kilometri ‘il bogħod mis-sede tal-Gvern f’Moska.
Fl-istess ħin, ħadd ma għadu jaf eżatt x’wassal għad-deċiżjoni ta’ Prigozhin – wara sensiela ta’ negozjati mal-Kremlin – biex iwaqqaf l-avvanz u jagħti direttivi biex il-ġellieda tal-Wagner jirtiraw lejn il-bażijiet tagħhom.
//= $special ?>