“Is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna mhix tipproduċi ħaddiema ta’ kwalità”.
Hekk stqarr il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia f’intervista li kellu mal-gazzetta Illum….meta ġie mistoqsi dwar l-aħħar statistika li tirrigwardja l-eżamijiet tal-O-levels, fejn 20% tal-istudenti m’għaddewx minn dawn l-eżamijiet.
F’din l-intervista, Joe Farrugia faħħar l-istituzzjoni tal-MCAST li kienet infetħet minn Gvern Nazzjonalista; istituzzjoni li kienet u għadha pass importanti għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-istudenti Maltin.
Farrugia spjega kif qabel fetħet l-MCAST, kien ikun hemm studenti li kienu jkomplu bl-istudji tagħhom fl-Universita ta’ Malta iżda l-bqija tal-istudenti ma kinux ikomplu jistudjaw. B’hekk, din l-istituzzjoni edukattiva serviet biex min ma xtaqx ikomplu b-istudji tiegħu fl-Università, seta’ jagħżel li jistudja u jitħarreġ f’suġġetti oħra u jkompli jtejjeb l-abbiltajiet tiegħu.
Joe Farrugia stqarr li llum il-ġurnata linja vokazzjonali m’għadhiex titqies bħala waħda inferjuri għal linja akkademika.
Iżda minkejja dan huwa innota li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna mhix toħloq ħaddiema li huma lesti għad-dinja tax-xogħol.
Il-President tal-MEA, li huwa wkoll lettur fl-Università ta’ Malta, stqarr illi sfortunatmanet is-sistema edukattiva li għandu bħalissa pajjiżna hija ibbażata fuq kemm student jiflaħ jiftakar u jitgħallem bl-amment u jipproduċi dak li jkun studja – u mhux waħda li turi kemm l-istudent huwa kapaċi jaħseb għal rasu b’mod kreattiv.
Hu jisħaq li s-sistema edukattiva kurrenti tagħmel enfasi kbira fuq il-memorja, u ċertu nuqqas ta’ ħsieb qed inaqqas mill-kwalità tal-istudenti u eventwalment tal-ħaddiema.
Farrugia jgħid li dan huwa l-oppost tal-kwalitajiet li huma meħtieġa għad-dinja tax-xogħol tal-lum il-ġurnata, fejn min iħaddem – filwaqt li xorta waħda jfittex il-kwalifiċi tal-ħaddiema – jagħti iktar importanza lill-kapaċitajiet tal-individwi.
Fl-intervista, il-President tal-MEA insista illi jeħtieġ li jkun hemm standards biex dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu preparati biex isolvu l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Huwa stqarr li llum il-ġurnata hemm bżonn li jsir eżami tal-kuxjenza minn dawk li huma inkarigati mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna sabiex jitranġaw in-nuqqasijiet li jeżistu.
//= $special ?>