Lokali

Robert Abela jitfi t-‘tracker’ tal-jott

Skiet totali mill-Prim Ministru dwar l-allegazzjoni ta' xiri ta' voti

Hekk kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed jaffaċċja allegazzjoni serjissima ferm dwar xiri ta’ voti mill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali… Abela ħass li m’għandu jagħmel ebda intervent politiku bħalma ssoltu hija l-prassi li jagħmel ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Iddeċieda biss li jżur numru ta’ festi li kienu iċċelebrati matul il-jum tal-Ħadd.

Dan l-aġir juri kemm pajjiżna għandu Prim Ministru li bħalma jagħmel issoltu, jaħrab mir-realtà u ma jindirizzax il-problemi li verament qed jaffettwaw u jħassbu lill-poplu Malti.  

Filfatt jidher li Abela rritorna Malta wara li fl-aħħar jiem ħalla lil pajjiżna u mar fuq il-jott tiegħu fejn din id-darba tefa’ t-tracker. Investigazzjoni li saret minn The Shift News waslet biex ikun żvelat li Abela biddel l-isem tal-jott tiegħu u tefa t-tracker  biex ħadd ma jkun jaf fejn qiegħed.

Dan wassal biex dawk kollha li pruvaw ifittxu fejn kien jinsab il-jott, sabu biss informazzjoni żbaljata u qarrieqa dwar fejn verament jinsab Robert Abela.

Ftit iktar minn xahar ilu, l-istess Robert Abela ddeċiedi li jieħu ‘break’ ta’ mistrieħ fuq l-istess jott, jumejn biss wara li ivvota kontra l-Inkjesta Pubblika biex issir ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Tant li dakinhar il-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jaħrab bil-jott, u jħalli l-problemi warajh.

Filmati eskussivi li kien ġibed Net News fl-14 ta’ Lulju li għadda juru proprju lil Robert Abela jħalli pajjiżna fuq il-jott tiegħu… minflok jindirizza l-kriżi kbira li kien qed jaffaċja f’dak il-perjodu hu u l-Gvern immexxi minnu.