Il-Malta Football Coaches Association se torganizza t-tieni edizzjoni tal-MFCA Awards, serata fejn se jiġu ppremjati l-aħjar kowċis għall-istaġun 2022/23.
Aktar dettalji ngħataw f’konferenza stampa fejn tkellmu l-president Lawrence Aquilina, il-viċi-president Manuel Micallef u s-segretarju ġenerali Joe Micallef.
Aquilina ħabbar li għal din is-serata se jingħataw 17-il unur fejn fost l-oħrajn se jiġu ppremjati kowċis li jmexxu timijiet ta’ taħt il-15-il sena, taħt is-17-il sena, youths, nisa u goalkeepers.
Barra minn hekk se jingħataw ukoll l-unuri tal-aqwa coaches fil-Gozo Football League, fl-Amateur League, Challenge League u Premier Division filwaqt li unur tassew speċjali hu dak tal-President’s Award.
Il-viċi-president Manuel Micallef qed jistenna li din it-tieni edizzjoni tkompli fuq is-suċċess tal-ewwel waħda bl-għan ewlieni hu li jiġu rikonoxxuti l-kowċis li jagħmlu xogħol daqstant fejjiedi f’kull livell tal-futbol Malti.
Finalment is-segretarju ġenerali Joe Micallef sostna li l-MFCA tinsab hemm għall-kowċis fejn f’dawn l-aħħar snin żdiedu ferm il-membri fi ħdan din l-assoċjazzjoni. Hu qal li fejn ikun hemm bżonn, l-MFCA tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa meta jkun hemm xi problemi li jinqalgħu bejn il-coaches u l-klabbs.
L-MFCA Awards se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Settembru fis-sala tal-Liċeo tal-Ħamrun.
//= $special ?>