Il-Pulizija ta’ Florida qed tinvestiga l-qtil għall-għarrieda ta’ tliet persuni suwed f’dak li jidher bħala reat immotivat mill-mibgħeda għan-nies ta’ razza differenti.
L-aggressur responsabbli kien raġel abjad ta’ 20 sena li fetaħ in-nar fuq in-nies dritt wara li kien daħal f’ħanut f’Jacksonville u fejn wara spiċċa involut f’konfrontazzjoni mal-pulizija qabel qatel lilu nnifsu.
Il-vittmi fl-attakk kienu żewġ irġiel u mara – bl-aggressur, wara, jinstab liebes il-body armour waqt li minxur mal-art.
L-investigaturi jaqblu li raġel, qabel l-azzjoni. kien bagħat il-messaġġi ta’ mibgħeda fuq il-websajts soċjali. Dan waqt li s-Sindku ta’ Jacksonville, Donna Deegan, ukoll qalet li t-terrur qed jitqies bħala ‘hatecrime’; bl-aggressur – li kien armat sa snienu – jibqa’ mhux identifikat sal-ħin li morna għall-istampa.
Sar magħruf ukoll li l-qattiel kien qed jaġixxi waħdu u li minn qabel kien esprima diversi drabi x-xewqa li joqtol lilu nnifsu.L-aggressur kien jgħix mal-ġenituri tiegħu fi Clay County u qabel mewtu laħaq ħalla d-dettalji speċifiċi dwar l-intenzjonijiet tiegħu.
Il-Pulizija, sadanittant,ikkonfermat li waħda mill-armi tan-nar li ntużaw fl-isparatura kellha t-tpinġija ta’ Swastika – l-emblema tan-Nażi – u bl-aġenti tal-FBI jiftħu investigazzjoni relatata mad-drittijiet ċivili minħabba l-element tal-mibgħeda assoċjat mal-każ.
//= $special ?>