Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li sawwat, hedded u kisser il-karozza tas-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar u bi problema ta’ droga u alkoħol ġie kkundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li sabitu ħati li sawwat lis-sieħba tiegħu, li heddidha u li kissrilha l-karozza u li bl-aġir tiegħu ħareġ il-barra mill-limiti ta’ provokazzjoni..

Mill-provi li ħarġu fil-Qorti rriżulta li l-aġir tar-raġel seħħ għax daħħalha f’moħħu li kellha relazzjoni ma’ xi ħadd ieħor. Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-mara, kien tressaq mill-Ispettur Audrey Micallef instab ħati li wettaq dawn ir-reati fil-15 ta’ Jannar li għadda, u fil-ġranet u xhur ta’ qabel.

Hu instab ħat li taha fastidju, insulentaha, heddidha kif ukoll li kissrilha l-karozza Mazda Demio u l-mobile phone tal-għamla Apple iPhone 13. Ir-raġel instab ħati wkoll li fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Jannar li għadda, barra restorant f’Buġibba, kien xurban u wadda ħmieġ lejn il-vittma.

Il-mara ma felħitx iżjed u fil-15 ta’ Jannar stess għamlet rapport lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Hi fetħet qalbha mal-pulizija u qaltilhom li kienu ilhom f’relazzjoni minn Awwissu 2022 iżda l-attitudni tiegħu nbidlet għax kien qed jissuspetta li kellha relazzjoni intima ma’ rġiel oħra.

Dan kollu wassal għall-inkwiet bejn il-koppja fejn beda jinsulentaha u jheddidha, anke bil-mewt, anke permezz ta’ messaġġi fuq il-mobile phone. Qalet li f’Diċembru 2022, fir-residenza tiegħu, taha daqqa ta’ sieq u f’inċident ieħor fl-istess xahar qabadha minn xagħarha u waqqagħha mal-art u beda jagħtiha bis-sieq u kien hemm li kissrilha l-mobile phone.

Fl-14 ta’ Jannar qaltlu li ħierġa tiekol ma’ ħabiba tagħha u ma emminiex. Biex jemminha tatu l-isem tar-restorant u ried li bilfors imur jiekol magħhom imma hija ma riditx. Waqt l-ikla beda jibgħatilha messaġġi biex tibgħatlu r-ritratti tal-ikla.

Tant eskalat is-sitwaqzzjoni li huwa u ommu marru ħdejn ir-restorant u huwa beda jixrob l-alkoħol fejn siker, tela’ fuq is-siġġu u beda jinstiga n-nies għall-ġlied u jgħajjarha li kienet marriet tiekol hemm minħabba il-waiter.

Il-mara beżgħet tant li minflok marret id-dar bil-karozza tagħha bbukkjat taxi. L-għada marret għall-karozza tagħha u sabet il-ħġieġ ta’ quddiem kollu imkisser u żewġ knatan fuq is-seat tax-xufier u l-passiġġier, il-pumijiet tal-bibien u l-mirja mqaċċta u diversi daqqiet madwar il-karozza.

Meta ċemplitu u staqsietu għaliex għamlilha hekk qalilha li għax kienet telqet mir-restorant. Wara dan ir-rapport ir-raġel kien arrestat. Il-vittma fid-depożizzjoni tagħha kkonfermat dak li kienet qalet fir-rapport lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fejn sostniet li kien jgħir għaliha u jsir aggressiv meta jixrob l-alkoħol.

Il-Maġistrat Farrugia emmnet il-verżjoni tal-mara, anke għax il-verżjoni tagħha kienet korraborata mill-pulzija u anke wara li l-mara ppreżentat screenshots tat-theddid li s-sieħeb kien bagħtilha fuq il-mobile phone u għalhekk sabitu ħati.

Rigward l-ammont ta’ danni kaġunati fil-vettura, fic-citazzjoni, l-imputat ġie mixli li dawn id-danni jammontaw ghal €6,370. Fix-xhieda tagħha l-vittma gabet stima għal parts ġodda u labour fl-ammont ta’ €7,764.82.

Din l-istima inġabet mingħand l-agent tal-vetturi tal-għamla Mazda Pero mix-xhieda ta’ ċertu Matthew Micallef, jirriżulta li xtara l-vettura Mazda Demio in kwistjoni bhala ‘wreck” mingħand soċjetà tal-assigurazzjoni għall-ammont ta’ €2,500.

Huwa biddlilha l-parts mkissra b’oħrajn second hand, li kien jimporta hu, u wara li sewwielha l-ħsarat kollha, biegħha fi stat tajjeb għall-ammont ta’ €6,800. Hu xehed li jikkalkula li l-ispejjeż tal-parts, tellar,
xogħol ta’ sprayer, twaħħil u tindif kien jammonta għas-somma ta’ €3,800.

Kif qal l-istess xhud Matthew Micallef, kieku wieħed imur jixtri parts ġodda, dawn ikunu jiswew ferm iżjed minn dawk second-hand. Meta ġiet biex tagħti l-piena qieset li l-kondotta tiegħu hija netta u li minn rapport ta’ social worker jirriżulta li huwa jabbuża mill-kokaina. Minbarra l-erba’ snin ħabshu ġie kkundannat jħallas €3,800 lis-sieħba tal-ħsara li kkaġunalha fil-karozza u nħarġet ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin biex tipproteġi lill-mara.