Il-gazzetta Illum tgħid li pajjiżna qed jara falliment sħiħ fil-ġbir tal-iskart

“Għandhom ikunu l-awtoritajiet stess illi jaraw li s-servizzi basiċi jkunu qed jaħdmu sew. Għaliex huwa għalxejn li noqgħodu nwaħħlu fil-LESA jew fl-operaturi privati li jiġbru l-iskart”.

Il-gazzetta Illum qalet dan fl-editorjal tal-Ħadd fejn sostniet illi hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata rigward il-kriżi tal-iskart… għaliex pajjiżna qed jara falliment sħiħ fis-sistema tal-ġbir – frott iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.

L-editorjal insista li jekk mhux ser ikun hemm ir-rieda politika li l-affarijiet jitmexxew kif suppost, kif ukoll  direzzjoni u strateġija tajba – il-problema ser tkompli tikber minflok tissolva.

Skont l-Editorjal tal-gazzetta Illum, il-problema tal-ħmieġ u ż-żibel fit-toroq Maltin taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Miriam Dalli, iżda mhux biss …. hemm Ministri oħra li huma involuti indirettament bħal Owen Bonnici, Byron Camilleri u Clayton Bartolo.

Għaldaqstant, l-editorjal appella lill-Gvern imexxi minn Robert Abela sabiex iqum mir-raqda u jieħu azzjoni ħalli l-operat u s-sistema’ titjieb, għaliex fi kliem l-Editorjal … jekk lanqas iż-żibel m’huma kapaċi jieħdu ħsieb … mur ara kemm se jkunu kapaċi li jaraw li n-nies ser jispiċċaw konxji tal-bżonn li jkollna ambjent nadif.

Evidentament, kollox beda minħabba l-fatt li l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart mhux qed titħaddem sew – skema li naqqset mill-frekwenza tal-ġbir tal-iskart, għaliex fil-passat il-borża s-sewda kienet tinġabar b’mod regolari. Iżda issa – b’din l-iskeda l-ġdida – il-borża qed tinġabar biss darbtejn fil-ġimgħa.

Kaġun t’hekk f’postijiet fejn hemm konċentrazzjoni ta’ turisti jew appartamenti għall-kiri, qed jispiċċa jinġema’ ammont kbir ta’ skart.

Il-gazzetta Illum insistiet illi bħala pajjiż fadlilna ħafna biex inkunu nafu x’inhi n-normalità għaliex il-kriżi tal-ħmieġ li qed tiddomina t-toroq Maltin hija akbar mill-iskandlu tal-istupru tal-art li kien seħħ fi zmien il-Gvern ta’ Mintoff.