Lokali

Il-kriminalità organizzata u ċrieki perikolużi f’pajjiżna: Falliment fil-Korp tal-Pulizija

Żviluppi serji fil-kamp tas-suppost ġlieda lill-kriminalità organizzata li seħħew fil-jiem li għaddew ġustifikament qegħdin iqanqlu suspetti u mistoqsijiet serji dwar jekk f’pajjiżna hux ngħixu sitwazzjoni fejn it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija hix kompliċi fi kriminalità organizzata.

Eks Fizzjal Għoli tal-Korp tal-Pulizija li mmilita għexieren ta’ snin fil-Korp tal-Pulizija fil-jiem li għaddew qalilna li mhux biss għandna sitwazzjoni fejn min qiegħed imexxi l-Korp tal-Pulizija mhux kapaċi jressaq lil ċerti persuni l-Qorti dwar reati sfaċċati ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata li seħħet f’pajjiżna fl-aħħar għaxar snin, talli issa spissi ħafna qegħdin iseħħu fil-Qorti ‘żbalji’ mill-aktar oxxeni litteralment allegatament maħsuba biex min ikun taħt akkuża jeħlisha ħafifa.

Kellna fil-Qrati tagħna każijiet fejn il-Prosekuzzjoni ħadet żbalji fid-data tar-reat, żbalji ta’ ismijiet, żbalji banali oħrajn li wasslu biex id-difiża tagħmel il-punti u s-sottomissjonijiet tagħha u hekk tali persuni spiċċaw inħelsu mill-akkużi li suppost jiffaċċjaw.

“Dan hu sew?” staqsa dan l-Eks Fizzjal Għoli tal-Korp tal-Pulizija filwaqt li żied jistaqsi “x’qiegħed jiġri f’każijiet bħal dawn fil-konfront ta’ min ikun naqas milli jagħmel xogħlu sew? Jittieħdu xi passi dixxiplinarji? Jew id-direzzjoni biex isiru ċerti żbalji banali u li jwasslu biex kawża taqa’, qed tingħata minn fuq?”

Kompla jgħidilna li qegħdin nesperjenzaw sitwazzjoni tat-tħassib fejn il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhux biss qegħdin jonqsu milli jressqu allegati kriminali – anki kriminali li jinqdew bil-politika biex isiru miljunarji u li serqu mijiet ta’ eluf ta’ ewro – iżda issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn saħansitra l-Qrati qegħdin jispiċċaw iċanfru lill-Prosekuzzjoni għal dewmien esaġerat fil-konfront ta’ ċerti persuni li jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-Ġustizzja.

Jirriżulta li aktar kmieni din il-ġimgħa seħħ inċident partikulari fil-Qrati tal-Ġustizzja meta l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech uriet id-diżappunt tagħha għad-dewmien min-naħa tal-Prosekuzzjoni fil-każ ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty magħruf bħala ‘Lilu King’.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech uriet id-diżgustament tagħha għall-fatt li tliet xhur wara li Mohamed Ali Ahmed Elmushraty tressaq il-Qorti, il-Prosekuzzjoni qegħda ssibha diffiċli biex tipproduċu evidenza sħiħa u kumplessa fuq it-traffikar tad-droga li qegħdin jgħidu li hu involut fiha.

Qalet fl-Awla tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kienet tinsab urtata għall-għall-fatt li ftit kien immarkat progress fil-każ mill-bidu tiegħu sa issa hekk kif l-istess Mohamed Ali Ahmed Elmushraty ilu jinżamm taħt arrest preventiv sa minn meta tressaq il-Qorti f’Mejju li għadda u meta dakinhar kien wieġeb mhux ħati ta’ akkużi li jorbtuh mal-kriminalità organizzata, prinċipalment mat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus.

Fl-isfond ta’ din iċ-ċanfira, tinħareġ l-aħbar li ħadd ma jaf x’sar minn Jomic Calleja Maatouk, ir-raġel ta’ 36 sena li kien ipprova jimporta f’Malta splussivi militari ta’ grad C-4, li kien hu li rnexxielu jixtri minn dark web.

Kien rapportat – għaliex il-Pulizija żammet skiet taqtgħu b’sikkina u dan ikompli jħasseb aktar u aktar – li Jomic Calleja Maatouk kien naqas milli jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija għal numru ta’ jiem u issa hu meqjus bħala raġel imfittex!

Mhux biss, iżda jirriżulta wkoll li anki s-sieħba ta’ Jomic Calleja Maatouk hi rrappurtata nieqsa u għalhekk nifhmu li fl-isfond ta’ dan il-kwadru, l-awtoritajiet qegħdin jissuspettaw li l-koppja probabbilment ħarbet mill-pajjiż.

S’issa l-Korp tal-Pulizja kompla jżomm skiet totali dwar dan il-każ għalkemm jingħad li nħareġ mandati ta’ arrest Ewropej għal din il-koppja li hi maħsuba li ħarbet lejn is-Serbja. Madankollu sa issa, b’mod uffiċjali, għadu mhux ċert jekk bdewx jittieħdu xi passi biex l-Interpol tkun mitluba tgħin ħalli tinstab din il-koppja… fi ftit kliem għadu mhux magħruf jekk dwar iż-żewġ persuni nieqsa nbdewx il-proċess tal-ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Tajjeb li nfakkru li Jomic Calleja Maatouk kien instab ħati u sussegwentement ikkundannat ħames snin ħabs dwar akkużi li jinkludu l-importazzjoni ta’ splussivi, falsifikazzjoni ta’ dokumenti, użu ta’ dokumentazzjoni falsifikata, ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja u li kien riċediv.

Waqt il-proċeduri fil-Qorti, kienet inħarġet evidenza li tindika li Jomic Calleja Maatouk, residenti f’Ħaż-Żebbuġ, kien ipprova jikseb kwantitajiet letali ta’ sustanzi tossiċi, fosthom Polonium-210, sustanza radjuattiva Ricin, droga fatali Fentanyl, u splussiv C-4 fuq id-darkweb.

Għalkemm l-isplussiv C-4 kien intbagħat l-ewwel f’indirizz fir-Renju Unit, dan kien ġie interċettat mill-Pulizija tal-Istati Uniti u l-pakkett kien sostitwit b’pakkett falz ieħor li fl-aħħar mill-aħħar kien sab triqtu lejn l-indirizz ta’ Jomic Calleja Maatouk f’Malta.

Waqt il-proċess fil-Qorti kienu esebiti evidenzi u dokumenti li kienu juru wkoll kif Jomic Calleja Maatouk kien ipprova jixtri dawn is-sustanzi velenużi li darba mħallta mal-ikel jew mal-ilma, jistgħu joqtlu persuna fi żmien ġimagħtejn. Kien biss wara li dan l-attentat ta’ velenu ma rnexxiex, li Jomic Calleja Maatouk importa l-isplussivi.

Finalment fil-Qorti u fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet iddeskriviet lil Jomic Calleja Maatouk bħala “strument potenzjali ta’ ħsara tal-massa”.

Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innotat il-gravità tal-akkużi u r-rekord kriminali ta’ Calleja li sa minn età żgħira wettaq kull tip ta’ offiża kriminali.

Il-Maġistrat kienet qalet li Jomic Calleja Maatouk nnifsu hu arma letali u hu lest li juża l-kuntatti tiegħu biex joħloq il-kaos u d-distruzzjoni u li lest jeqred lil kull min hu jaħseb li għandu jkun eliminat.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet temmet tosserva li Jomic Calleja Maatouk qatt ma kien wera xi rimors jew ikkopera waqt l-investigazzjonijiet u tenniet li l-Qorti għandha l-obbligu li tassigura li att kriminali bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

U issa Jomic Calleja Maatouk jidher li għadda lill-Korp tal-Pulizija minn għajn il-labra sal-punt li probabbilment li telaq minn pajjiżna biex hekk il-ġustizzja fil-konfront ta’ dan ir-raġel perikoluż u li jasal għalkollox tibqa’ biss diskors għaliex min kellu l-obbligu u d-dover li jassigura s-serħan il-moħħ… għal darba oħra falla bil-kbir!