Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jista’ jintroduċi ‘tags’ elettroniċi għall-immigranti illegali

Il-Gvern Britanniku mhux jeskludi li  jimponi l-ilbies tat-tags elettroniċi għall-immigranti li jaqsmu illegalment lejn ir-Renju Unit mill-Kanal Ingliż.

Il-Ministru Britanniku għall-Intern, Suella Braverman, qalet li qed tikkunsidra l-għażliet kollha quddiemha biex teżerċita livell ta’ kontroll fuq l-immigranti li qegħdin jaslu pajjiżha bid-dgħajjes żgħar u biex il-pass jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawn il-barranin.

Il-miżura għandha anki twaqqaf lill-immigranti li ma jistgħux jinżammu fiċ-ċentri għad-detenzjoni milli ‘jisparixxu qalb is-soċjetà’. Dan ukoll meta l-Gvern Britanniku qed jaħseb biex iżid il-kapaċità taċ-ċentri biex jilqgħu aktar immigranti.

Suella Braverman  enfasizzat li l-liġi magħrufa bħala l-Illegal Migration Act għandha tgħin lill-Gvern biex ‘iżżomm u jneħħi’ aktar malajr lill-immigranti illegali. Dan jinkwadra wkoll fil-politika tal-Prim Ministru  Rishi Sunak li jrid iwaqqaf it-traffiku kontinwu tal-immigrazzjoni illegali mill-Kanal Ingliż.