Minflok refgħet responsabbiltà l-Ministru Miriam Dalli spiċċa tkeċċa Jonathan Cardona
Is-sit online The Shift News żvela li l-Kap Eżekuttiv ta’ Enemalta, Jonathan Cardona, tkeċċa minn din il-pożizzjoni tiegħu b’reazzjoni għal jiem u sigħat twal mingħajr provvista tal-elettriku – kriżi qawwija li ħakmet bosta familji Maltin u Għawdxin u daqqa kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna fost it-turisti.
Minflok sorsi qrib The Shift News spjegaw li Cardona se jkun qiegħed jiċċaqlaq għall-OHSA – l-Awtorità li tipprovdi s-sigurtà lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Cardona kien tqiegħed fil-pożizzjoni ta’ CEO mal-Enemalta mill-Ministru Miriam Dalli nfsiha b’paga ta’ €160,000 fis-sena. Iżda minflok refgħet responsabbiltà politika Miriam Dalli, il-Prim Ministru Robert Abela ordna t-tkeċċija ta’ Cardona.
Sorsi qrib il-Prim Ministru li avviċinaw lil The Shift News spjegaw li Dalli ġiet ordnata biex ittemm il-kuntratt ta’ Cardona u jieħu post lil Mark Gauci bħala CEO tal-OHS hekk kif dan tal-aħħar sar magħruf li se jirtira.
Bosta saħqu la darba Abela ma jarax lil Cardona tajjeb biex imexxi l-Enemalta mhux qed jifhmu kif jidhirlu li hu tajjeb biex jieħu ħsieb l-OHSA.
Oħrajn stqarrew li sa mill-ewwel jum Robert Abela ma riedx lil Jonathan Caruana għaliex huwa segwaċi tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat…madanakollu Miriam Dalli kienet insistiet li tridu magħha fl-Enemalta.
Fis-snin passati Cardona kien imexxi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u fis-snin ta qabel kien ukoll CEO ta’ Identity Malta sa minn meta l-Labour tela’ fil-Gvern lura fl-2013.
Jidher li għalissa l-Enemalta se tkun qed titmexxa minn Ray Fava, il-President tal-Malta Dockers Union u ħabib sew ta’ missier il-Prim Ministru Robert Abela, ċioè l-President Emeritu George Abela.
Għaldaqstant kollox qed jindika li Robert Abela għal darb’oħra wera li huwa dgħajjef mal-Kabinett tiegħu hekk kif minflok li ġiegħel lill-Ministru terfa’ responsabbiltà politika għal kriżi li ħakmet pajjiż sħiħ, sab biex ifarfarha fuq ħaddieħor.