It-Tribunal Industrijali presedut miċ-Chairman Geoffrey Vella ordna lil-Air Malta biex fi żmien xahar tħallas is-somma ta’ €585,000 lil 33 impjegat tal-cabin crew, mhux biss lil dawk preżenti iżda wkoll dawk li kienu jaħdmu qabel mal-linja nazzjonali Maltija.
Dawn l-impjegati kienu qed jisħqu li l-mod kif kien maħdum il-ftehim kollettiv iffirmat f’Diċembru 2017 kien jikser il-prinċipju ta’ “equal pay for equal work”. Il-kawża oriġinarjament kienet saret kontra l-Air Malta minn 42 ħaddiem iżda disa’ minnhom waqqfu l-proċeduri għax għażlu impjieg alternattiv.
Il-ħaddiema dejjem sostnew li l-ftehim kollettiv aġevola lil dawk li ħadmu bejn l-2014 u l-2017 anke jekk dawk li ħadmu bejn l-2018 u l-2022 setgħu ħadmu aktar. Meta fetħu l-każ il-ħaddiema kienu sejjħu l-ftehim kollettiv bħala “Diskriminazzjoni istituzzjonalizzata” u għalhekk preżentaw rikors quddiem it-Tribunal Industrijali. Huma dejjem sostnew li l-ftehim jinkludi klawsoli diskriminatorji li jiksru d-drittijiet fundamentali bażiċi tagħhom,
L-Air Malta ddeffendiet il-każ tagħha billi qalet li l-ftehim kollettiv ġie nnegozjat, maqbul u ffirmat mill-Union tal-Cabin Crew u kellu jiġi rrispettat u saħqet li l-prinċipju tal-“equal pay for equal work” kien irrispettat, argument li ma kienx aċċettat mit-Tribunal.
Il-Union tal-Cabin Crew ċaħdet li daħlet f’arranġament jew ftehim kollettiv li kien ta’ preġudizzju għall-membri għax qalet li dan ġie approvat mill-membri u ċaħdet saret xi forma trattaemnt diskriminatorju Wara li sema’ lit-tliet partijiet, it-Tribunal Industrijali qal li kien hemm ħaddiema li ma setgħux jaħdmu kemm xtaqu minħabba problemi ta’ saħħa jew leave ta’ maternità.
Ingħad ukoll li l-mekkaniżmu korrettiv jiddiskrimina għax fis-snin indikati huma ħadmu anqas. Qal li dawn ma setgħux jagħżlu l-aħjar sena ta’ paga u għalhekk ġiet regolata bil-mekkaniżmu korrettiv ta’ 50% ‘take home pay; tal-impjegati medji full-time.
Fid-deċiżjoni ngħad ukoll li l-mod kif sar il-ftehim kollettiv ħoloq diskriminazzjoni bejn impjegati li huma fl-istess skali u anke bejn impjegati fi skali inqas għax dawk fi skali inqas kienu qegħdin jitħallsu aktar minn impjegati li huma fi skali akbar minnhom. F’kelma waħda lanqas ma kien hemm uniformità.
Ġie nnotat wkoll li fil-perjodu li dan il-ftehim kollettiv kien fis-seħħ faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 u biex tevita diversi sensji, l-Air Malta addottat paga soċjali ta’ €1,200 fix-xahar. Kien għalhekk li waqt li fil-prinċipju ta raġun lill-ħaddiema tal-cabin crew, meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens, it-Tribunal Industrijali qies ukoll li wħud minnhom kienu fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Union tal-Cabin Crew u ħadu sehem fin-negozjati tal-ftehim li ġie approvat mill-maġġoranza tal-ħaddiema.
Din ir-raġuni wasslet ukoll biex tnaqqas il-kumpens b’20% minħabba dik li sejjaħ “negliġenza kontributorja”. It-Tribunal ma żammx lill-Union tal-Cabin Crew responsabbli, it-Tribunal Industrijali ordna lill-Air Malta biex jagħtihom €585,000 f’kumpens fi żmien xahar. Il-kumpens lill-ħaddiema jvarja minn €9,600 għal €35,000 lil kull ħaddiem. Din id-deċiżjoni jista’ jkollha impatt kbir fuq ftehimiet kollettivi oħra simili ma’ kategoriji oħra ta’ impjegati tal-Air Malta.
//= $special ?>