L-istat li jinsab fih l-Isptar Monte Karmeli, in-nuqqas ta’ investiment, l-istigma u n-nuqqas ta’ għarfien u edukazzjoni qed iwasslu biex pazjenti li jkunu għaddejin min kriżi fis-saħħa mentali tagħhom ma jfittxux l-għajnuna u saħansitra jkollna każijiet regolari ta’ suwiċidju jew attentati ta’ suwicċidju. Il-post ma jilqgħekx u qiegħed iwassal biex nies ma jirrikorrux għall-għajnuna li jkollhom bżonn u għalhekk ma jfiqux.
Hekk hu tal-fehma d-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, meta f’dawn il-jiem tkellimna dwar realtà kiefra li qiegħda tolqot spiss lil pajjiżna… dik tas-suwiċidju.
Mistoqsi jekk in-numri fil-fatt humiex jiżdiedu u dan fir-rigward ta’ kull faxxa tas-soċjetà Maltija, Ian Vassallo Hagi fisser li f’dawn l-aħħar snin, skont in-numri mogħtija fil-Parlament għall-Mistoqsijiet Parlamentari mill-Ministru Chris Fearne, is-suwiċidju fiż-żgħażagħ ta’ inqas minn 25 sena żdied b’erba’ sa ħames darbiet mis-sena 2020 għas-sena 2022.
In-numri juru wkoll li fejn qabel ma kienx ikun hemm kważi xejn każijiet ta’ suwiċidju f’nies ta’ aktar minn 75 sena, in-numri fl-aħħar sentejn żdiedu wkoll b’erba’ darbiet.
Mistoqsi dwar l-Isptar Monte Karmeli u l-istat tiegħu, u jekk dan joffrix soluzzjoni, Ian Vassallo Hagi qal li għal diversi xhur u snin, diversi professjonisti u għaqdiet tkellmu dwar il-problema li l-Isptar Monte Karmeli li hu l-uniku sptar/istituzzjoni f’pajjiżna li jilqa’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali.
Issa kulħadd jaf li l-istat li jinsab fih ma jawgurax tajjeb biex jattira nies li qed ifittxu l-għajnuna. F’dawn l-aħħar snin smajna kemm-il daba li qed isiru xogħlijiet f’dan l-Isptar u li se jinfetaħ sptar ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali, iżda kollox fuq il-karta u fil-verità sar ftit li xejn.
Hu qal li pajjiżna għandu bżonn urġenti ta’ sptar ġdid, modern, akkoljenti u attrezzat b’dak kollu li pazjent ikollu bżonn. Sptar li jgħin biex persuna tersaq aktar għall-kura u li jkun iħajjar aktar professjonisti biex jitħajru jiffukaw l-istudi tagħom biex ngħollu l-livell ta’ kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna.
“Regolarment nitkellem fil-Parlament fuq l-avvanz li qiegħed isir fil-bini tal-isptar il-ġdid iddedikat għal kura tas-saħħa mentali iżda ftit li xejn qegħdin ningħataw informazzjoni u viżwalment s’issa ma sar xejn.”
Dan l-avvanz diġà esperjenzajnih f’pajjiżna bil-ftuħ taċ-Ċentru tal-Onkoloġija li kien ta’ suċċess fil-kura tal-kanċer u għandna nimxu fuq dan il-mudell f’dan is-settur. L-isptar il-ġdid għandu jkun qrib tal-Isptar Mater Dei biex ħadd ma jħossu iżolat jew li qegħdin jiġu trattat b’mod differenti minn kundizzjonijiet oħrajn.
Mistoqsi jekk bħala pajjiż ninsabux tard wisq u jekk dak li qiegħed jipprovdi l-Gvern hux biżżejjed, Ian Vassallo Hagi qal li l-ftit li sar hu tajjeb, però hemm bżonn immedjatament li ninvestu bix-xieraq u b’finanzjar kif suppost u b’importanza.
Din hi pandemija oħra li qegħdin naffaċċjaw u s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra mill-ħażin għall-agħar. Saħansitra l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ċanfar lit-Tmexxija tal-Isptar li x-xogħol li qiegħed isir hu kajman iżżejjed u barra dak li sar, immedjatament hemm bżonn li jittranġa l-ambjent inġenerali, is-sistemi tas-sikurezza u s-CCTV, u l-immaniġġjar tas-swali u t-trattamenti aħjar.
Ma jistax ikun li fis-sena 2023 ikollna livell ta’ kura fi swali li mhumiex attrezzati kif suppost, b’nuqqas ta’ kwalità ta’ ambjent u kura. “Irridu naraw li ma jerġax ikun hemm okkażjonijiet fejn imur id-dawl u anqas biss ikun hemm sistema alternattiva diċenti, fejn anke professjonisti spiċċaw jużaw il-mobiles tagħhom biex setgħu jaħdmu u jagħtu trattamenti bażiċi.
Mistoqsi dwar mediċini ġodda, Ian Vassallo Hagi qal li huma diversi t-tobba u l-professjonisti li qegħdin jitkellmu fuq il-fatt li llum, jeżistu diversi mediċi ġodda, moderni u b’studji avvanzati li jwasslu għall-kura u t-trattament aħjar.
Dwar dawn il-mediċini ilna fil-Parlament u fil-Kumitati nagħmlu diskorsi u nitolbu lill-Gvern biex jinvesti fihom għax inaqsu l-kumplikazzjonijiet relatati mal-mediċini antiki li qegħdin jingħataw illum.
B’mediċini ġodda, intejbu l-kwalità tal-kura u nnaqqsu l-kumplikazzjonijiet. Dan ifisser li l-pazjent u l-familjari tiegħu jkunu jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar komda u jkomplu b’xogħolhom u bl-attività ta’ kuljum.
Sfortunatament, jekk dawn mhux se jkunu fuq il-formolarju, il-maġġoranza tal-pazjenti mhumiex se jlaħħqu mal-ispiża biex imorru għand il-konsulent tagħhom u wisq anqas biex jixtru l-mediċini.
Dwar l-edukazzjoni u dwar s-saħħa mentali, Ian Vassallo Hagi qal li hu importanti li wieħed ifittex l-għajnuna u l-kura hekk kif iħoss li għandu bżonn xi tip ta’ attenzjoni għal xi sitwazzjoni ta’ saħħa mentali li jkun qiegħed jesperjenza.
“Hemm bżonn li nfehmu lil uliedna minn età żgħira li fil-ħajja nistgħu nħossuna mhux komdi, inqas kuntenti u li jista’ jinqala’ xi intopp li ma jkunx mistenni. Irridu nfehmu lil uliedna min età żgħira li jeżistu diversi għajnuniet u kif għandna nitkellmu u nersqu għalihom. Nuru lil uliedna li s-saħħa mentali hi parti mis-saħħa ġenerali tagħna, u rridu nieħdu ħsiebha.
“Irridu noħolqu kampanja ta’ għarfien biex b’hekk, b’mod naturali, tonqos l-istigma li teżisti llum f’dan is-settur. Irridu noħolqu kampanji edukattivi li l-mard li jolqot is-saħħa mentali hu bħal kull marda oħra u li ħadd m’għandu jiġi ttimbrat jew emarġinat,” saħaq Ian Vassallo Hagi.
Hu kompla li l-ambjent ta’ madwarna u l-kwalità ta’ ħajja li ngħixu jaffettwaw b’mod dirett lis-saħħa mentali tagħna. Illum qegħdin naraw li ħafna nies jitkellmu dwar kemm ħajjithom saret stressanti, ma jlaħħqux mal-ispejjeż u mal-ħin u anqas ċans jistriħu jew igawdu ftit ħin liberu b’mod tajjeb.
It-traffiku, l-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ ambjent u spazji pubbliċi fejn wieħed jista’ jistriħ, il-ħin mitluf biex tivvjaġġa mid-dar għax-xogħol, fil-kju biex tħallas għand tal-merċa jew li tistenna biex tinqeda għal xi servizz qegħdin iwasslu biex iżidu l-ansjetà fost il-familji.
Taffettwa wkoll il-ħajja tal-lum li qegħda tmur fuq livell virtwali fejn diversi nies jiġu affettwati b’mod dirett b’dak li jesperjenzaw online u ma jkunux jafu jagħmlu distinzjoni bejn dak li hu reali u dak li mhux. Dan kollu qiegħed iwassal biex diversi nies joħolqu emozzjonijiet ġodda fuqhom li jwasslu għal nuqqasijiet fis-saħħa mentali tagħhom.
Hawn hekk tkellimna dwar x’soluzzjonijiet jaħseb li huma mħeġġa għal dawn il-każijiet ta’ problemi ta’ saħħa mentali u Ian Vassallo Hagi fisser li “bħala Oppożizzjoni, permezz tax-xogħol li qiegħed jagħmel ma’ diversi individiwi, professjonisti u għaqdiet ifformulajna diversi proposti u qegħdin inwettqu pjan ta’ politika f’dan is-settur li se jkun imħabbar fil-futur qrib fejn.
Dawn huma biss ftit mill-proposti li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ipoġġi fuq il-mejda għad-diskussjoni:
- Jinbena sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali akuta qrib l-Isptar Mate Dei.
- Naraw li jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Karmeli.
- Naraw li l-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn.
- Ninvestu fil-folmularju tal-medicini b’mediċini ġodda li qegħdin jingħataw diġà fis-suq u li nafu li joffru livell ta’ kura aħjar.
- Noħolqu pjan ta’ edukazzjoni biex negħlbu l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn din il-kundizzjoni.
- Noħolqu programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tinduna u tfittex l-għajnuna.
- Nintegraw il-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma u mentalità li hemm id-differenza bejn min jingħata kura mentali għal dik fiżika.
- Isir programm ta’ assessjar fi studenti u l-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna biex b’eżaminazzjoni jkunu jafu jekk humiex qegħdin ibatu minn xi kundizzjoni relata mas-saħħa mentali.
- Ninvestu fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet tagħna li jkunu esperjenzati u li studjaw f’dan il-qasam.
- Ngħinu għaqdiet volontarji biex jinvestu aktar f’dan is-settur.
- Insaħħu l-metodi li nies fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament.
- Nintroduċu safe spaces concept f’binjiet kbar jew pubbliċi fejn wieħed li jħossu mhux komdu jew li jrid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni jista’ jmur fihom.
Ian Vassallo Hagi spiċċa jfaħħar u jirringrazzja lil Richmond Foundation u lil dawk kollha li jaħdmu u jservu f’dan il-kamp tant importanti fis-settur tas-saħħa u ħeġġeġ lil min ikollu bżonn l-għajnuna biex ma jiddejjaq xejn iċempel lil Richmond Foundation fuq 1770 jew lill-Mental Health Helpline fuq 1579.
Hu stieden ukoll lil kulħadd biex min jista’ jkollu xi ideat, suġġerimenti jew esperjenzi relatati mal-qasam tal-kura tas-saħħa mentali jagħmel kuntatt miegħu fuq ian.vassallo@parament.mt.
//= $special ?>