Internazzjonali

L-Ukrajna: Ftit tal-progress għat-truppi ta’ Zelensky waqt il-kontro-offensiva

L-Armata tal-Ukrajna qed tirrapporta aktar suċċessi fuq diversi fronti tal-battalja u bħala parti mill-kontro-offensiva li ilha għaddejja x-xhur kontra l-qawwiet Russi li qed jokkupaw l-artijiet Ukreni tal-lvant u n-nofsinar.

Il-Viċi-Ministru Ukren tad-Difiża, Ganna Maliar  qalet li l-qawwiet ta’ pajjiżha lliberaw il-villaġġ ta’ Robotyne li għandu sinifikat kbir loġistiku u li jinsab fir-reġjun ta’ Zaporizhia. U waqt li r-Russi kienu kostretti li jirtiraw mill-inħawi, kien irrappurtat ukoll li t-truppi  Ukreni kienu qed javvanzaw mit-territorji lejn ix-xlokk ta’ Robotyne u fl-artijiet lejn in-nofsinar ta’ Mala Tokmashka,

Il-Gvern Ukren enfasizza li l-qawwiet Russi qed isofru telf kbir ta’ ħajja fost il-konċentrazzjoni tat-truppi fiz-zoni sensittivi u fejn huma qed jippruvaw li ma jitilfux aktar art.

L-Armata Ukrena, intant, qed tavvanza anki mill-artijiet lejn in-Nofsinar ta’ Bakhmut, il-belt ewlenija tal-Lvant li ilha minn Mejju f’idejn il-militar tar-Russja. Dan waqt li l-Viċi-Ministru Maliar sostniet li l-qawwiet ta’ pajjiżha, fl-aħħar jiem, ħatfu lura xi territorji lejn il-periferiji ta’ din il-belt u meta mhux eskluż li l-Armata Ukrena ‘il quddiem kapaċi tassedja lid-difensuri Russi fil-qalba ta’ Bakhmut..

Sadanittant,  komplew ukoll  il-battalji intensivi fis-settur ta’ Kupyansk, lejn il-Grigal tal-Ukrajna u fejn il-militar Russu kien wettaq xi kisbiet fl-aħħar ġimgħat.