Lokali

Mistennija li jitressqu l-Qorti tlieta arrestati b’rabta mas-serqa tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq

Fis-sigħat li ġejjin mistennija li jitressqu l-Qorti tliet persuni li ġew arrestati b’rabta mas-serqa tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq; l-istess serqa li ħalliet raġel ta’ 67 sena mill-Fgura jissielet għal ħajtu wara li ntrabat ma’ siġġu u kkaġunawlu feriti serji.

Il-ħallelin laħqu ħarbu mill-post tar-reat b’diversi oġġetti qabel il-Pulizija waslet fil-post.

L-arresti saru l-Ħadd filgħaxija f’Tas-Sliema wara ħidma mill-Pulizija, fejn Maltija ta’ 29 sena u żewġt irġiel barranin ta’ 37 u 26 sena qed jiġu interrogati dwar dan il-każ. It-tliet persuni kienu x’aktarx qed jistaħbew f’binja abbandunata, bit-tliet persuni pprovaw jaħarbu hekk kif il-Pulizija daħlu fuq ġewwa tal-binja. Huma ġew arrestati minnufih.

Huma qegħdin jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-inkjesta magisterjali b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Il-każ kien seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tat-8pm fi Triq Dun Ġużepp Zammit fejn meta waslu, il-Pulizija sabet il-bieb tal-ħanut imsakkar. Madanakollu, minn barra setgħu jaraw lill-vittma marbut bi ġrieħi fuq ġismu.

Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikunu jistgħu jidħlu fuq ġewwa tal-propjetà. Tim mediku kien ukoll fil-post biex jassisti lill-vittma fejn iktar tard ittieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.