SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 13
NEPTUNES VIDEOSLOTS……….. 7
(2-2), (4-2), (2-0), (5-3)
San Ġiljan JP Projects huma ċ-champions tal-waterpolo lokali għat-13-il darba fl-istorja. Fit-tieni finali tal-play-off ġabu fix-xejn lil Neptunes Videoslots u b’hekk ma kellhomx bżonn it-tielet logħba biex jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat.
Unur meritat għal San Ġiljan li kkonfermaw il-potenzjal li urew fl-aħħar xhur. Ir-rebħ ta’ dan il-kampjonat hu speċjali għaliex hu l-ħames unur minn ħamsa din is-sena. Aktar kmieni matul is-sena, San Ġiljan rebħu l-Enemed Cup, il-Kampjonat tax-Xitwa, it-Tazza tal-President u n-knock-out.
Diżappunt għal Neptunes li minbarra li ħarġu b’idejhom vojta din is-sena, kien mistenni li jagħtu sfida b’saħħitha fil-finali tal-play-offs. Jekk fl-ewwel finali kienu fil-logħba l-ħin kollu, fit-tieni finali naqqsu li jżommu l-livell.
Maro Jokovic poġġa lil San Ġiljan fil-vantaġġ b’xutt li għadda minn taħt idejn Alan Borg Cole sakemm Stevie Camilleri għeleb lil Jake Tanti b’xutt ċentrali minn man-up. Jake Bonavia ħalla lil San Ġiljan minn fuq b’gowl mix-xellug tal-pitch iżda Filip Filipovic ukoll minn man-up, reġa’ ġab id-draw.
Sal-ewwel minuta tat-tieni sessjoni, San Ġiljan kisbu vantaġġ ta’ 4-2 b’doppjetta ta’ Andreas Galea. Neptunes irkupraw b’żewġ gowls taż-żgħażagħ Sam Gialanze u Jake Muscat iżda reġgħu sabu ruħhom tnejn minn taħt. Din id-darba kien Ben Plumpton li skorja darbtejn fi ftit ħin, sekondi biss wara li Neptunes kienu qrib il-vantaġġ.
Fit-tielet sessjoni, Neptunes kellhom bżonn reazzjoni f’waqtha biex jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-logħba. Madankollu Neptunes kienu fqar fil-logħob tagħhom. Spikkaw fost l-oħrajn żewġ passaġġi żbaljati ta’ Aleksandar Ivovic. San Ġiljan żammew il-livell tal-prestazzjoni u permezz ta’ Aaron Younger kabbru l-vantaġġ għal 8-4, vantaġġ aktar minn meritat.
Il-gowl ta’ Filip Filipovic kmieni fl-aħħar sessjoni seta’ jagħti tama lil Neptunes iżda Jokovic wieġeb mill-ewwel. It-tamiet ta’ Neptunes bdew jisfumaw aktar ma beda jgħaddi l-ħin, bil-ġmiel ta’ backhand ta’ Nikolai Zammit donnu għalaq il-logħba.
Huma baqgħu jikkontrollaw sat-tisfira finali fejn hemm intlaħaq il-kulminu taċ-ċelebrazzjonijiet, bil-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit jirċievi t-trofew mingħand il-President tal-ASA Karl Izzo u l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Joe Agius.
San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea (3), B. Plumpton (4), M. Jokovic (2), M. Zammit, J. Bonavia (1), A. Younger (2), J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit, R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, N. Bonavia
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), S. Gialanze (1), G. Pace, M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (1), J. Camilleri, A. Ivovic, F. Filipovic (2), A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja, A. Fava
Referees: Raffaele Colombo, Alex de Raffaele
Birżebbuġa rebħa bogħod mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni
BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 9
MARSAXLOKK BROWN’S……. 6
(0-3), (5-0), (3-1), (1-2)
Birżebbuġa Freeport jinsabu pass bogħod milli jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Rebħa meritata kontra tim mimli żgħażagħ ta’ Marsaxlokk u bi plejer barrani fl-ilma għamlitha iktar diffiċli għalihom minħabba n-nuqqas ta’ Nikola Moskov.
Minkejja r-rebħa, Birżebbuġa kellhom jirkupraw minn bidu negattiv hekk kif fl-ewwel sessjoni fallew erba’ man-ups u kienu jinsabu tliet gowls minn taħt. Sasa Misic, Luigi Mallia u Alistair Cook skorjaw il-gowls ta’ Marsaxlokk. It-tim ta’ Pierre Borg stenbaħ bil-kbir fit-tieni sessjoni u mhux talli rkupra l-iżvantaġġ iżda saħansitra temmew is-sessjoni 5-3.
Il-vantaġġ ta’ Birżebbuġa saħansitra kiber għal 8-3 b’doppjetta ta’ Darko Brguljan u gowl ta’ Giuseppe Mannino, b’Misic inaqqas id-distakk. Il-gowl kmieni fl-aħħar sessjoni ta’ Mannino qatel il-possibbiltà ta’ rimonta Xlukkajra li setgħu biss inaqqsu d-distakk finali.
Birżebbuġa: M. Sladden, P. Borg, N. Cassar, B. Grech, D. Brguljan (4), M. Manara (1), S. Bezzina, D. Cutajar, B. Erdelyi, K. Tanti (1), G. Mannino (3), M. Curmi, C.D. Borg, J. Sciberras, D. Farrugia
Marsaxlokk: Mi. Farrugia, M. Lanzon, B. Zammit, Ma. Farrugia, S. Mifsud, J. Valletta, M. Zammit, M. Aquilina, R. Galea (1), S. Misic (2), J. Borg Tabone, L. Mallia (2), S. Mifsud, A. Cook (1), A. Aquilina
Referees: Riccardo Carmignani, Ronnie Spiteri
//= $special ?>