Lokali

Sindki Laburisti mhux lesti li jkunu l-ħaruf tas-sagrifiċċju

Wara r-rapport pubblikat minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda dwar il-logħba moqżieża ta’ Kastilja li taġevola lil dawk is-Sindki Laburisti li huma laqgħa filwaqt li tagħmel il-bsaten fir-roti lil dawk is-Sindki Laburisti li huma magħrufa li mhumiex ‘yes man’, issa jidher li l-ballun għadda f’saqajn l-istess Sindki Laburisti li se jiddeċiedu jekk jibqgħux jisfidaw lit-Tmexxija tal-Partit Laburista inkella jwarrbux biex ma jispiċċawx il-ħaruf tas-sagrifiċċju.

Hu stat ta’ fatt li ta’ Kastilja jridu jwarrbu u jeħilsu minn numru ta’ Sindki Laburisti li huma magħrufa li mhumiex ta’ Robert Abela, iżda jippreferu lil ħaddieħor fit-Tmexxija tal-Partit. Ta’ Kastilja qed jinsistu ma’ dawn fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun biex lil dawn is-Sindki Laburisti indikati, ma tingħatalhomx promozzjoni u inqas ma jkunu mistiedna għal programmi fuq l-istazzjonijiet One, aktar aħjar.

Anzi d-direzzjoni hi biex fil-lokalitajiet fejn hemm minn dawn is-Sindki Laburisti fuq żaqq Kastilja, ikun promoss persuna oħra biex jieħu hu/hi l-promozzjoni għal tali lokalità. Dan diġà rajnih fil-ġimgħat li għaddew meta Sindki ma kenux mgħarrfa li Robert Abela kien se jżur il-lokalità mmexxija minnhom u jew saru jafu b’kumbinazzjoni jew inkella saru jafu wara. Naturalment dan hu messaġġ ċar lill-istess Sindki Laburisti fuq żaqq Kastilja li mhumiex ben visti.

Wara r-rapport tal-Ħadd li għadda, is-sori infurmati li tkellmu magħna qalulna li l-messaġġ wasal u wasal tajjeb ferm għaliex issa l-ballun qiegħed f’riġlejn is-Sindki Laburisti li jridu jiddeċiedu huma dwar il-futur tagħhom… ċioè li saħansitra jtemmu dan it-terminu ta’ kariga u ħatra li għandhom u mbagħad ma jippreżentawx isimhom għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej ħalli ma jkunux il-ħaruf tas-sagrifiċċju kemm tax-xewqa ta’ Kastilja u anki tal-magna tal-Partit Laburista li tkun qegħda taħdem kontra tagħhom bl-aktar mod sottili… jew inkella bl-aktar mod sfaċċat u bla skrupli ta’ xejn.

U fost l-ewwel Sindki Laburisti li mhumiex ‘yes man’ ta’ Kastilja u li ddeċieda li ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla hemm is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, li aktar kmieni din il-ġimgħa ħabbar li mhux qiegħed jippjana li jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li enfasizza li bil-kontra ta’ dak li tgħid il-Liġi ta’ pajjiżna, “illum il-ġurnata l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali m’għadhiex teżisti” tant li l-Kunsilli Lokali għandhom nuqqas ta’ indipendenza minħabba n-nuqqas ta’ poter li għandhom u li qiegħed iwassal għal aktar burokrazija.

B’ton pulit iżda dirett, Alfred Grima kellu kliem ta’ ċanfir għall-Gvern ta’ Robert Abela li qiegħed iħalli jsir żvilupp sfrenat f’pajjiżna, b’mod partikulari fil-lokalità mmexxija minn fejn l-iżvilupp eċċessiv jista’ jarah kulħadd u jħossu kulħadd.

Filwaqt li saħaq li fil-fatt San Pawl il-Baħar hi fost il-lokalitajiet li għandhom l-aktar rata għolja ta’ applikazzjonijiet għall-ippjanar, enfasizza li dan il-bini qiegħed iġib miegħu ċifri kbar ta’persuni li joqogħdu proprju f’San Pawl il-Baħar tant li skont iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) – li skont Alfred Grima mhumiex korretti – kien hemm tal-inqas 45,000 residenti permanenti. Dan hekk kif iċ-Ċensiment tal-2021 wera li l-popolazzjoni f’din il-lokalità laħqet it-33,000 persuna.

Hu kompla jwissi lill-Gvern ta’ Robert Abela li dawn iċ-ċifri qed jirriżultaw fi problemi tal-iskart u dan minħabba li s-sistema tal-ġbir tal-iskart mhux qed taħdem għal din il-lokalità.

Apparti dan hemm ukoll nuqqas ta’ infurzar minħabba n-nuqqas ta’ dixxiplina mir-residenti.