Lokali

Wara li whistleblower kixef l-iskandlu tax-xiri ta’ voti tal-mejtin mill-Partit Laburista: Jista’ jkun biss ‘the tip of the iceberg’

Jista’ jagħti l-każ li hemm aktar minn dak li żvelat s’issa bil-kompliċità mhux biss tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, iżda anki bis-sehem ta’ terzi fl-Aġenzija Identity Malta.

Sorsi infurmati li nhar il-Ħamis li għadda tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw li dak li l-whistleblower Adel Ali Hassan – li għal diversi snin kien is-Segretarju tal-Partit Laburista fil-Kumitat Laburista f’Ħal Balzan – żvela fil-Qorti dwar modi korrotti ta’ votazzjoni, jista’ jkun biss ‘the tip of the iceberg’ ta’ sistema organizzata u kumplessa fejn barranin, persuni fantażma u oħrajn jivvutaw lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra.

Is-sorsi infurmati li tkellmu magħna qalulna li fl-ogħla strutturi tal-Partit Laburista fl-aħħar ġimgħat kien qiegħed jiċċirkola diskors li xi ħadd partikulari jista’ jkun li jisfida lill-istess Partit Laburista u jikxef prattiċi rregolari u illegali konnessi ma’ modi korrotti ta’ votazzjoni fl-Elezzjoni Ġenerali.

Is-serħan tal-moħħ għal ċerti uffiċjali għolja fil-Partit Laburista hu li s’issa kull prova dwar dan id-diskors inqerdet u ma tistax tkun ippruvata, iżda kemm-il darba jkun hemm xi ħadd – b’riferenza għat-theddid tal-istess Adel Ali Hassan – li jisfida lill-Partit Laburista u jiftaħ ħalqu skont l-informazzjoni li għandu u li kien kiseb meta kien fil-kariga ta’ Segretarju tal-Kumitat Laburista f’Ħal Balzan – fejn kien fdat ħafna – tista’ twassal għal ħafna spekulazzjonijiet xejn mixtieqa f’mumenti meta l-istess Partit Laburista għaddej minn żminijiet xejn faċli.

Jirriżulta li Adel Ali Hassan fl-aħħar xhur kellu jitlaq minn Malta wara li tal-Labour waqqfulu l-permess ta’ residenza biex ipattuhielu bil-pulit għal dak li għamel fil-Qrati meta kien żvela prattiċi korrotti li kienu qegħdin iseħħu fi Transport Malta. Dakinhar dak żvelat minn Adel Ali Hassan kien ħoloq ħafna inkwiet fi Transport Malta b’rabta ma’ skandli dwar kif kienu qed isiru t-testijiet tal-liċenzji tas-sewqan.

Kaġun ta’ dak żvelat, Adel Ali Hassan ittellaq minn Malta u issa – li m’għandu x’jitlef assolutament xejn – l-istess Adel Ali Hassan qiegħed ikun ta’ theddida għall-Partit Laburista dwar sistema ta’ xiri ta’ voti mingħand barranin bil-patt li jivvutaw lill-Partit Laburista.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li għal xi raġuni involut sew f’din il-balbuljata kollha hemm id-Deputat Laburista Alex Muscat li f’din il-leġiżlatura Robert Abela għażel li ma jagħtih l-ebda dekasteru fil-Kabinett tal-Ministri. Fil-fatt Alex Muscat, minn Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, spiċċa b’ta’ fuqu senduqu mwarrab bħala back-bencher u fil-fatt hu wieħed minn dawk diżappuntati ħafna fil-konfront tal-istess Robert Abela.

Iżda nhar il-Ħamis li għadda Alex Muscat reġa’ rxoxta u b’kitbietu żvela hu stess li għandu konoxxenza mhux biss ta’ Adel Ali Hassan, iżda anki ta’ dak li qiegħed jallega Adel Ali Hassan fil-konfront ta’ voti illegali u illeġittimi lill-Partit Laburista minn persuni barranin u minn persuni fantażma!

Fuq il-midja soċjali d-Deputat Laburista Alex Muscat kixef idu li Adel Ali Hassan kien jheddu li għad irid ippattihielu li tneħħietlu ċ-ċittadinanza u allura ma setax jibqa’ jgħix f’Malta.

Dan fl-isfond li Adel Ali Hassan kien qal fil-konfront ta’ Alex Muscat li fis-sens kien jheddu li saħansitra jista’ “jeqirdu minn Malta” jekk ikompli jipprova jikxef il-korruzzjoni.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument staqsew: Jekk verament Alex Muscat kien b’xi mod mhedded minn dan Adel Ali Hassan, allura għaliex qatt ma ħass li kellu jagħmel xi tip ta’ rapport lill-Pulizija biex tinvestiga? Jew anki Alex Muscat m’għandu l-ebda fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Iżda, skont is-sorsi infurmati ta’ Il-Mument, dak kollu żvelat sa issa minn Adel Ali Hassan jista’ jkun biss ‘the tip of the iceberg’ għal dak li jista’ jkun li seħħ klandestinament iżda bl-aktar mod organizzati min-naħa tal-Partit Laburista b’rabta mal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra.

Jista’ jagħti l-każ li hemm ferm u ferm aktar minn dak li żvela s’issa Adel Ali Hassan u dan bil-kompliċità mhux biss tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, iżda anki bis-sehem ta’ terzi fl-Aġenzija Identity Malta.

Fir-Rikors tiegħu ppreżentat fil-Qorti u ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, Adel Ali Hassan jistqarr li hu jaf dettalji ta’ somom ta’ eluf kbar ta’ ewro li tħallsu u għaddew mill-idejn biex persuni barranin tinħarġilhom il-karta tal-identità Maltija biex hekk ikunu eliġibbli biex jitfgħu l-vot tagħhom fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra… u naturalment bil-patt li dan il-vot jagħtuh lill-Partit Laburista.

Fir-Rikors tiegħu Adel Ali Hassan mhux biss jisħaq li għandu l-provi dwar dawn l-abbużi għaliex terzi barranin involuti fl-għoti tad-dokument tal-vot stqarrew miegħu l-esperjenza tagħhom, imma wkoll jisħaq li għandu lista ta’ ismijiet bid-dettalji ta’ dawn l-istess persuni barranin.

B’reazzjoni għal dan ix-xenarju kollu kien biss is-Segretarju Parlametari Chris Bonnett li fuq il-midja soċjali kkonferma l-prattiċi korrotti tal-Gvern/Partit Laburista fir-rigward tal-mod kif rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena oħra.

Fil-midja soċjali Chris Bonnett ammetta li fil-ġimgħa ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il-Gvern/Partit Laburista kien bagħat iċ-ċekkijiet, uża x-Xandir Nazzjonali favur tiegħu u ta impjiegi mal-Gvern… malprattiċi maħsuba għal skop ta’ xiri tal-voti!