Lokali Qorti

Żagħżugħ li mar 10 darbiet ħabs fuq droga jgħid li jrid jaqta’ l-vizzju

Missier ta’ 23 sena li allegatament rrikorra għas-serq biex jiffinanzja il-vizzju tad-droga qal lill-Qorti li ried jegħleb il-problema li wasslitu biex jidħol u joħroġ mill-ħabs 10 darbiet f’dawn l-aħħar disa’ snin. “Jien ilni f’din il-ħajja mill-2014. Għajjien. Irrid insolvi l-problema u għandi tifla ta’ ħames snin u rrid inkun missier aħjar,” qal ir-raġel, li huwa barbier u li jgħix Għawdex.

Ismu ġie pprojbit mill-pubblikazzjoni għal raġunijiet “sensittivi” li saru magħrufa lill-qorti kemm mill-prosekuturi kif ukoll mill-avukat difensur. Huwa l-persuna suspettata fuq reati ta’ żewġ serqiet f’San Pawl il-Baħar aktar kmieni dan ix-xahar. Huwa ġie identifikat minn CCTV.

Meta tressaq il-Qorti, ż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati tat-tliet serqiet, kif ukoll li żamm lil wieħed mill-vittmi kontra l-volontà tiegħu, ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-pulizija u kkaġuna ġrieħi ħfief. Huwa ċaħad ukoll li kiser il-libertà proviżorja u ordni ta’ probation u li rkadixxa.

Ġiet oġġezzjonata talba għal libertà proviżorja peress li xhieda ċivili, inkluż dawk preżenti waqt is-serq, għad iridu jixhdu. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ wieħed mill-inċidenti għadhom għaddejjin.

Il-gravità tal-allegati reati kienet raġuni oħra għal oġġezzjoni, sostna l-Ispettur Lydon Zammit, li enfasizza l-fatt li l-akkużat kellu problema serja ħafna tad-droga li kienet l-għerq tal-imġieba kriminali tiegħu. Iż-żagħżugħ allegatament qal lill-pulizija li rrikorra għal aġir bħal dan meta spiċċa bla flus u sab ruħu dahru mal-ħajt.

Għalkemm dan l-aħħar l-akkużat kien talab l-għajnuna, kien għad fadal triq twila u ma kienx meqjus ta’ min joqgħod fuqu biżżejjed biex jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. L-avukat difensur Beppe Darmanin irrisponda li l-akkużat kien mexa mal-kundizzjonijiet preċedenti tal-qorti iżda sfortunatament ċerti ċirkostanzi kienu wasslu għal tali aġir.

Meta l-Maġistrat li jippresiedi Leonard Caruana indirizza lill-akkużat. “Timxi ma’ ordni ta’ trattament jekk tiġi imposta minn din il-Qorti? Qed noffrilek din l-opportunità. Imma jekk tagħti l-kunsens, trid iżżomm mal-kundizzjonijiet kollha. M’għandekx tikser l-ordni jew inkella tiffaċċja l-konsegwenzi ta’ dan,” qal il-Maġistrat.

“Iva,” wieġeb iż- żagħżugħ, u qal li “kien għajjien” u xtaq jimxi fit-​triq it-​tajba “anki għal ġid taʼ binti taʼ ħames snin.” Fid-dawl ta’ dak l-impenn il-Qorti, filwaqt li ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja, ħarġet ordni ta’ trattament ta’ sena, fejn avżat lill-akkużat biex isegwi l-istruzzjonijiet kollha tal-uffiċjal tal-probation li jkun hemm biex jgħinh.

L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Warren Galea mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Beppe Darmanin kien l-avukat difensur.