In-nuqqas tal-Gvern ta’ Robert Abela wassal biex il-kumpanija nazzjonali tal-ajru għadha kif qalgħet daqqa ta’ ħarta oħra wara li t-Tribunal Industrijali ordnalha tħallas €585,000 lil 33 impjegat tagħha fi żmien xahar.
It-Tribunal sab li l-Air Malta kisret il-prinċipju ta’ ‘equal pay for equal work’ ma’ dawn l-impjegati bil-mod kif għamlet il-ftehim kollettiv fl-2017 u li l-medjatur fih kien Robert Abela nnifsu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo u mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J. Bartolo, il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu r-riżultat meta fit-tmexxija tal-kumpanija jkun hemm nies li l-kompetenza tagħhom iġibuha biss għax huma tal-qalba tal-Gvern.
L-inkompetenza ta’ dawn in-nies, minbarra li ħolqot diskriminazzjoni ma’ dawn l-impjegati, tat daqqa ta’ ħarta finanzjarja oħra lill-kumpanija nazzjonali falluta, li skont iċ-Chairman Eżekuttiv tagħha, li qed jimpala €21,500 fix-xahar, għandha tagħlaq sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan mhux l-uniku każ fejn il-liġi ta’ ‘equal pay for equal work’ tkissret minn Robert Abela u sħabu, hekk kif anke fi ħdan is-servizz pubbliku stess, hemm eluf ta’ każi simili ta’ ħaddiema li kienu ssekondati minn dipartimenti governattivi oħrajn għas-settur pubbliku u ħolqu sitwazzjoni ta’ paga inugwali talli jagħmlu l-istess xogħol ta’ ħaddiema li ilhom hemm għal snin sħaħ.
Statistika riċenti tal-Istitut tat-Trejdunjins Ewropej (ETUI) tgħid ċar li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna huma fl-agħar stat li qatt kienu fih, bil-Gvern iwaqqa’ lil pajjiżna mit-tielet għad-disa’ post. Dwar il-livell tal-pagi, waqqa’ lil pajjiżna mit-12 għall-24 post, filwaqt li fejn tidħol il-kwalità tal-impjiegi, niżżel lil pajjiżna mis-sitt għall-11-il post.
Filwaqt li jifraħ lil dawn il-ħaddiema tar-rebħa li għamlu, il-Partit Nazzjonalista jtenni li dawk responsabbli minn fjask ieħor fl-Air Malta jinżammu resposabbli għall-inkompetenza li biha mexxew lil din il-kumpanija u li komplew ġabuha għarkupptejha.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li l-inġustizzji li jeżistu fi ħdan l-istess settur pubbliku minħabba paga mhux ugwali għal xogħol ugwali għandhom ikunu kkoreġuti minnufih u l-ħaddiema li jbatu, bħal f’dan il-każ, ikunu kkumpensati għat-telf finanzjarju tagħhom.
Il-Gvern ta’ Robert Abela qatt ma kien gvern tal-ħaddiema, iżda biss il-katalist biex id-drittijiet tal-ħaddiema tkissru. Kif qatt il-ħaddiema jistgħu jemmnu li dan il-gvern se jitrattahom b’mod korrett meta hu l-gvern innifsu li qed jikser il-liġi u jiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
//= $special ?>