Jammettu li kien hemm nuqqas nazzjonali fis-servizz tad-dawl, imma l-Ministru ma terfa’ l-ebda responsabbiltà
S’issa, il-Gvern għadu ma ta l-ebda reazzjoni għall-aħbar tat-tkeċċija tas-CEO tal-Enemalta Jonathan Cardona, li rrapporta l-portal The Shift News fl-aħħar sigħat.
Il-Gvern għandu obbligu li jkun trasparenti dwar it-tmexxija ta’ din il-kumpanija, li tagħha għandu sehem maġġoritarju. Għandu jneħħi d-dubju kollu u/jew jiċħad għal kollox, inkella jikkonferma l-aħbar u jgħid jekk hux minnu li din it-tkeċċija ġiet ordnata mill-Prim Ministru, kif ukoll x’sehem kellu l-Bord tal-Enemalta li suppost dan is-CEO jirrapporta lilu.
Il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaqsi xi kredenzjali, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona għandu biex issa qed imexxi l-OHSA.
Jekk din l-aħbar hi minnha, tikkonferma li issa Robert Abela qed jirrikonoxxi li hemm responsabbiltà x’tinġarr dwar il-qtugħ ta’ dawl li sofra l-poplu Malti dan is-sajf u li din kienet frott l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ippjanar.
Tikkonferma wkoll li Robert Abela gideb meta waħħal il-problema biss fis-sħana u fit-tibdil fil-klima.
U tikkonferma wkoll il-kummiedja ta’ ‘musical chairs’ fil-mod kif il-Gvern jappunta n-nies f’dawn il-pożizzjonijiet kruċjali, fejn il-meritokrazija qed jitfagħha l-baħar u minflok jibqa’ jdawwar f’entitajiet differenti lill-istess nies li jaf li huma leali aktar lejn dak li jordnalhom milli lejn il-ġid komuni u l-interess nazzjonali.
Dan kollu ħareġ fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
//= $special ?>