Eluf kbar ta’ passiġġieri qed ibatu mis-sitwazzjoni tal-ajruporti wara li kellhom jitħassru mijiet ta’ titjiriet fir-Renju Unit – bil-konsegwenza li dawn in-nies, għadhom iżolati fit-terminals.
Fl-aħħar sigħat ukoll, in-National Air Traffic Services fir-Renju Unit illimitaw l-ammonti tal-ajruplani li jistgħu jinżlu f’mitjar; bil-kelliema jwissu li l-problemi għandhom ikomplu anki għal ġranet … minkejja li rnexxielhom isolvu l-issues tekniċi.
Il-kelliema għall-ajruport ta’ Heathrow wissew biex in-nies jikkuntattjaw lir-rappreżentanti tal-linji tal-ajru qabel jivvjaġġaw lejn it-terminal. Dan filwaqt li l-amministrazzjoni fl-ajruport ta’ Gatwick, fl-aħħar sigħat, kienet qed tipprova topera skeda ta’ titjiriet normali — għalkemm mhux magħruf kemm dan seta’ ikun possibbli minħabba ċ-ċirkustanzi.
Il-kelliema għall-Ajruport ta’ Luton, f’Londra, ikkonfermaw li t-titjiriet mill-ispazju tal-ajru tar-Renju Unit kellhom jibqgħu suġġetti għal ‘delays’ u l-posponimenti – fost avviżi biex il-passiġġieri jaġġornaw ruħhom kontinwament dwar is-sitwazzjoni.
U waqt li qed tiddomina l-ansjetà sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal, hu minnu li diversi linji tal-ajru, fosthom British Airways, Virgin Atlantic and TUI, spiċċaw ibatu bil-kbir mill-issues tekniċi tat-Tnejn, bir-riperkussjonijiet għalihom ikomplu fost il-posponimenti inevitabbli ta’ ħafna titjiriet.
//= $special ?>