Internazzjonali

Ir-Russja: Isir il-funeral ta’ Yevgeny Prigozhin f’San Pietruburgu

Il-funeral ta’ Yevgeny Prigozhin, il-Kap tal-grupp Wagner tal-paramilitari  merċenarji li miet bħallum ġimgħa fit-tiġrif ta’ ajruplan, sar ftit ilu wara bibien magħluqa u waqt ċerimonja privata fil-belt ta’ San Pietruburgu.

Sadanittant, il-President Russu Vladimir Putin ma kienx preżenti għall-funeral u meta qabel kien sar magħruf li hu ma kellu l-ebda pjani biex jattendi minkejja li kien ilu s-snin ħabib u alleat ta’ Prigozhin.

Yevgeny Prigozhin tilef ħajtu waqt vjaġġ bejn Moska u San Pietruburgu u meta l-ajruplan iġġarraf qalb l-għelieqi wara splużjoni misterjuża.

L-inċident seħħ xahrejn wara li Prigozhin kien organizza l-kolp ta’ stat fallut ta’ Ġunju kontra l-kmandanti militari tar-Russja…Kolp ta’ stat li fih il-paramilitari tal-Wagner kienu ħatfu l-kontroll f’Rostov qabel avvanzaw sa 120 kilometru ‘il bogħod mill-Kremlin fil-qalba ta’ Moska.

Filwaqt li kumitat investigattiv fir-Russja baqa’ ma preżentax lista tal-kawżi potenzjali għat-tiġrif tal-ajruplan, is-servizzi sigrieti fil-Punent  qed jikkonkludu li Prigozhin u disa’ persuni oħra fuq l-ajruplan spiċċaw vittmi ta’ splużjoni intenzjonali f’azzjoni  li setgħet kienet ilha pjanata għal ġimgħat.

Il-Kremlin, mill-banda l-oħra, qed jiċħad li kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ Prigozhin li mewtu kien ikkonfermat proprju nhar il-Ħadd. L-istess sorsi f’Moska  anki ċaħdu l-evalwazzjonijiet mill-Punent bħala ‘gideb u qerq’ — madankollu, hemm ukoll ir-Russi li jemmnu li l-Gvern ta’ Putin wettaq omiċidju tal-massa biex jeħles darba’ għal dejjem mill-Kap tal-Wagner.

Ingħad ukoll li l-qtil seħħ bħala ‘att tipiku ta’ tpattija’ minn Putin għar-rewwixta ta’ Ġunju li fost oħrajn wasslet għall-aktar mument umiljanti għall-President Russu fis-snin kollha li ilu jmexxi lir-Russja.

Fl-aħħar sigħat, diversi opinjonisti konservattivi fir-Russja kienu qed iħeġġu biex il-Kremlin jorganizza funeral statali għal Prigozhin li għadu sallum personalità popolari fost l-estremisti Russi u daqstant ieħor fost sezzjonijiet tal-popolazzjoni ċivili.

Intant li l-viċi-kapijiet tal-Wagner, li mietu fl-istess tiġrif  tal-ajruplan, qed jindifnu huma wkoll f’San Pietruburgu.

Fl-aħħar sigħat, il-preżenza tal-membri tas-sigurtà kienet qawwija madwar iċ-ċimiterji f’San Pietruburgu kif ukoll madwar iċ-ċimiterji ta’Moska. Dan waqt li ċ-ċittadini Russi komplew iqiegħdu l-fjuri fis-siti ta’ tifkira għal Prigozhin f’dawn iż-żewġt ibliet.