Lokali Qorti

Jitressqu l-Qorti t-tliet persuni akkużati bil-hold-up fiż-Żurrieq… iwieġbu mhux ħatja u jinżammu arrestati

Tliet persuni nżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, fosthom li weġġgħu gravi raġel f’hold up li seħħ il-Ġimgħa li għadda f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq.

It-tliet akkużati huma żewġt irġiel Marokkini, Zuhir Adumi,ta’ 27 sena li jgħix Tas-Sliema u Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, u Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena.

Fil-bidu tas-seduta f’Awla numru 12 kien hemm kommossjoni sħiħa hekk kif waħda mill-akkużati Donna Borg Sciberras dehret tħebb għal akkużat ieħor. Kien hawn meta l-Pulizija kellha tintervjeni fejn ħarġet wieħed mill-akkużati barra mill-Qorti għal xi ħin sakem kompliet is-seduta.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, il-prosekuzzjoni spjegat li waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni biex jinstabu t-tliet ħallelin, il-Pulizija ċċekjat il-kameras tas-sigurtà sabiex ikunu identifikati l-akkużati.

It-tlliet akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li l-avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest. Bil-Qorti titlob biex ikun hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.

It-tliet persuni qed ikunu akkużati fost l-oħrajn li l-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tat-8 ta’ filgħaxija wettqu hold-up f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq, fejn sfortunatament ….raġel ta’ 67 sena mill-Fgura spiċċa sofra ġrieħi serji u spiċċa l-isptar jissielet għal ħajtu.

Skont informazzjoni maħruġa mill-Pulizija, il-ħallelin rabtu lir-raġel, serqu diversi oġġetti, u rnexxielhom jaħarbu mill-post.

Meta waslu il-Pulizija, huma sabu il-bieb tal-ħanut imsakkar. Madanakollu, minn barra setgħu jaraw lill-vittma marbut, u miksi bid-demm kaġun tal-ġrieħi li sofra.

It-tliet akkużati kienu arrestati l-Ħadd wara li kienu qed jistaħbew f’binja abbandunata f’Tas-Sliema.