L-awtoritajiet fl-Iraq esegwew il-piena kapitali għal tlett irġiel li kienu kundannati dwar sehem fi splużjoni ta’ karozza-bomba f’Bagdad li kienet qatlet ‘il fuq minn 300 filwaqt li rriżultat f’mijiet oħra ta’ midruba.
It-terrur imur lura għall-2016 u meta l-bomba splodiet fost il-folol tan-nies li kienu qed ifakkru x-xahar qaddis tar-Ramadan għall-Musulmani.
L-attakk kien bla dubju l-akbar azzjoni qattiela fl-Iraq minn wara l-invażjoni tal-pajjiż mill-koalizzjoin militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti.
Intant, it-terroristi tal-ISIS kienu ammettew responsabbiltà għall-attakk u meta l-grupp għadu attiv sallum fl-Iraq minkejja li tilef il-kontroll tat-territorju li kien qed jokkupa snin ilu.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iraqi, Mohammed Shia al-Sudani, issa qal li t-tlett esekuzzjonijiet saru bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn iżda ma identifikax lill-ikkundannati partikulari.
Madankollu, xi sorsi qrib il-Gvern qalu li raġel bl-isem ta’ Ghazwan al-Zawbaee, magħruf bħala l-moħħ wara l-attakk tal-2016, kien wieħed mit-tlieta li nqatlu skont il-verdett kapitali. Intant, il-Prim Ministru Iraqi informa lill-qraba tal-vittmi li saret il-ġustizzja ‘ma’ tlett kriminali li kellhom sehem ewlieni f’wieħed mill-akbar attakki terroristiċi li qatt saru fl-Iraq’.
Kien fit-3 ta’Lulju tal-2016 li vettura mimlija bl-isplussivi splodiet viċin ċentru kummerċjali fiz-zona ta’ Karrada, f’Bagdad – b’ħafna mill-vittmi jinħarqu ħajjin min-nirien li ħakmu fiċ-ċentru wara l-isplużjoni.
L-eks Prim Ministru Iraqi Mustafa al-Kadhimi kien akkuża lil Ghazwan al-Zawbaee bħala l-awtur tat-terrur għan-nom tal-ISIS – l-entità tat-terroristi Sunni Musulmani li snin ilu kienet tikkontrolla madwar 35,000 kilometri kwadri ta’ territorju bejn il-Lvant tal-Iraq sal-Punent tas-Sirja…Grupp li jibqa’ imfakkar għat-tmexxija brutali u primittiva fl-artijiet inkwistjoni fejn kienu qed jgħixu talanqas tmien miljun residenti.
//= $special ?>