L-Isqof ta’ Għawdex sejjaħ nies li jitħallsu għal impjiegi u li ma jersqux lejn il-post tax-xogħol qed iqarrqu bi sħabhom u jagħtu valuri ħżiena lil uliedhom. Fl’omelija waqt il-Quddiesa fil-festa tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem, nhar il-Ħadd, l-Isqof Anton Teuma wissa li xi nies f’Għawdex qed jieħdu salarji għal impjiegi fejn jattendu biss għall ftit tal-ħin.
“Hemm ħaddiema f’Għawdex li jitħallsu għax-xogħol li ma jagħmlux. Jmorru jaħdmu għal ftit minuti jew, biex ma neżaġerawx, għal ftit sigħat – u mbagħad jitilqu biex imorru jagħmlu xogħol ieħor,” qal Teuma. “Dan huwa qerq u kontra r-rieda t’Alla, u l-ġenituri li jġibu ruħhom b’dan il-mod qed jagħtu sinjal ħażin lil uliedhom. Mingħalina ferħanin li jkollna l-flus deħlin mingħajr ma nindunaw li qed inħassru moħħ uliedna.”
Teuma ma elaboratx dwar liema impjiegi kien qed jirreferi iżda huwa mifhum li kien qed jindirizza xnigħat li n-nies qed jaċċettaw impjiegi mal-gvern u jitħallsu mingħajr ma jkollhom jagħmlu ix-xogħol mogħti lilhom.
Mhux ċar kemm tinfirex l-allegata prattika iżda data ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ix-xahar li għadda żvelat li wieħed minn kull tliet Għawdxin jaħdem mal-gvern. L-istudju sab li 35 fil-mija tal-ħaddiema full-time f’Għawdex għandhom impjieg fil-gvern, ferm ogħla mill-20 fil-mija tal-ħaddiema full-time Maltin fis-settur pubbliku.
Teuma qal li l-ħaddiema reali għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqdu liċ-ċittadini sħabhom, joqogħdu magħhom u jipparteċipaw fil-protezzjoni u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ Alla. Il-prattika li wieħed idaħħal salarju fil-but għal xogħol li ma jsirx iwaqqa’ wieħed mill-ħitan tal-pedament ta’ familja u soċjetà b’saħħitha.
Teuma semma’ ukoll lin-nies li huma ossessjonati li jagħmlu l-flus, u qal li hija kultura li ġabet firdiet tul familji sħaħ u qed tikkawża lit-tfal żgħar ibatu minn trobbija inadegwata. Qal li ħafna tfal mhux qed jingħataw l-imħabba li għandhom bżonn għal tkabbir b’saħħtu u xi ġenituri “jipparkjaw” lil uliedhom fl-isport, l-arti u istituzzjonijiet edukattivi oħra hekk kif ikunu kbar biżżejjed mingħajr ma jħallu lilhom infushom biżżejjed ħin biex ikunu magħhom.