Futbol Sport

Manchester United interessati f’Nicolas Tagliafico…Romelu Lukaku jasal f’Ruma

(Ritratt: EPA)

Rapporti fil-midja internazzjonali qed jindikaw li Manchester United jinsabu f’taħditied ma’ Lyon biex jakkwistaw lid-difensur rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Nicolas Tagliafico.

Ir-Red Devils jinsabu kontretti jfittxu difensur fuq ix-xellug wara li l-internazzjonali Ingliż Luke Shaw għandu problemi muskolari u se jkun qed jitlef diversi logħob. Barra minhekk, Erik ten Hag għandu wkoll lil Tyrell Malacia mweġġa’, plejer li jilgħab fl-istess pożizzjoni.

Fl-aħħar jiem kienu qed jissemmew id-difensur laterali ta’ Chelsea Marc Cucurella u l-plejer ta’ Barcelona Marcos Alonso bħala possibiltajiet b’self.

Huwa rraportat li Lyon qed jitolbu lil Manchester United is-somma ta’ £5.15 miljuni bir-Red Devils jidhru li jippreferu jakkwistaw lil Tagliafico b’self u jonfqu l-flus fuq midfielder.

Manchester United nefqu madwar £150 miljun dan is-sajf fuq l-akkwisti ta’ Andre Onana, Mason Mount u Ramsus Hojlund iżda s’issa għadhom ma mpressjonawx, b’rebħiet imqansħa fuq Wolves u Nottingham Forest filwaqt li sofrew telfa ta’ 2-0 kontra Tottenham Hotspur.

Intant l-attakkant ta’ Chelsea Romelu Lukaku wasal f’Ruma biex b’hekk jiffirma ma’ Roma fejn mistenni jissieħeb mal-klabb tal-kapitali b’self sa tmiem l-istaġun.

Fl-istaġun li għadda Lukaku kien ma’ Inter fejn minkejja li wrew l-interess tagħhom biex jiksbu l-firma tiegħu, l-attakkant Belġjan wera x-xewqa li jissieħeb ma’ Juventus liema negozjati bejn Lukaku u ż-żewġ klabbs Taljani fallew.

Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Lukaku taħt it-tmexxija ta’ Jose Mourinho hekk kif kien taħt il-gwida tal-kowċ Portugiż ma’ Chelsea u Manchester United rispettivament.

Roma jinsabu fi kriżi fil-parti offensiva tal-ground hekk kif l-unika attakkant li għandhom huwa Andrea Belotti.