L-ex Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri fuq l-affarijiet kollha li kien mistoqsi dwarhom fil-PAC waqt li ddikjara li ċertu konklużjonijiet tal-imħallfin fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu skorretti.
Din il-pożizzjoni Joseph Muscat esprimieha meta kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiskrutinja l-kuntratti tal-power station tal Electrogas.
Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u Robert Cutajar. Għall-gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul u d-deputati Laburisti Glenn Bedingfield, Amanda Spiteri Grech u Alex Muscat.
Din is-seduta kienet ir-raba’ waħda li fiha Muscat xehed dwar l-Electrogas.
Dwar it-taxxa ta’ €40 miljuni maħfrua lill-Electrogas fejn fl-offerta kien hemm speċifikat li din titħallas mill-Electrogas iżda kienet l-Enemalta li assorbiethom, Joseph Muscat ikkonferma li l-ammont ta’ €36 miljun kien parti minn diskussjoni iktar wiesgħa ta’ affarijiet oħra li l-Enemalta ħadet mingħand l-Electrogas.
“Dan kien vantaġġjuż għall-Enemalta”, sostna l-ex Prim Ministru Muscat, li qal li din kienet kwistjoni ministerjali iżda hu ma kienx daħal fiha. “Kont sodisfatt (b’din id-deċiżjoni) għax kien jaqbel lill-Gvern”, sostna Joseph Muscat, li kompla li “nimmaġina… naħseb li tkun telgħet kabinett din id-deċiżjoni”.
Joseph Muscat qal li ma jara xejn “eċċezzjonali” f’dak li sar fil-garanzija u sostna li dejjem kien il-ħsieb tal-gvern li l-gass għall-power station jinġieb permezz ta’ pipline; għalhekk kien hemm bżonn forma ta’ kumpens. Dwar jekk il-Mnisteru tal-Finanzi kienx involut f’dawn id-deċiżjonijiet, Muscat qal li l-Ministeru tal-Finanzi kien li jara li l-affarijiet ikunu imħallsin.
Iċ-Chairman tal-PAC Darren Carabott spjega kif il-bord tal-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Carauna Galizia kien raha stramba li l-Ministeru tal-Finanzi ma kienx involut.
“Skorretti għall-aħħar (l-imħallfin)”, sostna Muscat, li kompla li hemm numru ta’ minuti tal-kabinett li juru li l-Ministeru tal-Finanzi kien involut. Joseph Muscat qal li ħadd mill-imħallfin ma mexxa gvern kif kien għamel hu u sostna li, skont hu, l-pożizzjoni tal-imħallfin hi żbaljata.
Darren Carabott qal li kemm il-Ministru Edward Scicluna kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi qalu li ma kienux involuti fil-proċess tal-power station. Muscat qal li hemm dokumenti li juru li fil-proċess kollu, inkluż il-garanzija, il-Ministeru tal-Finanzi kien involut. “It-tliet imħallfin huma żbaljati”, sostna Muscat.
Joseph Muscat qal li llum hu stabbilit li l-power station m’għadhiex biżżejjed minħabba d-domanda. Għall-kumment ta’ Darren Carabott li dan qed iseħħ minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, Joseph Muscat qal li l-popolazzjoni żdiedet “għax hawn ix-xogħol fil-pajjiż”.
B’riferenza għad-dikjarazzjoni rienti ta’ muscat li ‘kulħadd sar si jur żgħir’, Robert Cutajar sostna li gvern Laburista kien wiegħed li se jeradika l-faqar iżda llum hawn l-akbar ammont ta’ persuni fil-faqar li qatt kien hawn fil-pajjiż. Muscat wieġeb li allaħares gvern Laburista ma jaħsibx li se jeradika l-faqar.
“Il-bibien (tan-nies) ħabbatthom u nibqa’ nħabbathom… in-nies jinsabu ħafna aħjar milli kienu fl-2013; in-nies fil-faqar naqsu”, sostna Joseph Muscat.
Dwar it-telf ta’ €35 miljun mill-Enemalta u li din qed iżżomm għaddejja biss bis-sussidju tal-Gvern, Muscat qal li jirriżulta li fis-snin ta’ qabel, l-Enemalta għamlet profitti. Muscat eskluda li l-proġett tal-power station kien lest qabel l-elezzjoni u sostna li l-proċess tal-offerti kien kollu regolari.
Mitlub biex jixhed dwar dan, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li meta l-NAO jkun qed janalizza l-proċess hemm aspetti tajbin u oħrajn koroh.
Mhux kollox kien tajjeb jew ħażin, ma kienx hemm evidenza ċara li kien hemm ftehim minn qabel dwar il-power station, sostna l-Awditur Ġenerali, li kompla li kien hemm dokumenti li huma talbu iżda ma ngħatawlhomx. “Fl-aħħar 15-il sena ħadd qatt ma bagħtilna d-dokumenti kollha; dan hu l-akbar dispjaċir tiegħi fl-aħħar 15-il sena”, sostna l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.

L-Assistent Awditur Ġenerali Keith Mercieca xehed li l-NAO ma jinvestigax dak li jista’ jkun seħħ bejn partit politiku u xi entità oħra.
Muscat qal li Keith Schembri ma kienx involut fin-negozjati tal-power station u sostna li kien hu li “ġarr ir-resposabbiltà”. Hu sostna li ma jirriżultax li kien hemm indħil fil-proċess.
B’riferenza għal diskors ta’ Evarist Bartolo li kien qal li l-influwenza ta’ Keith Schembri fil-kabinett kienet esaġerata, li Schembri kellu rwol b’saħħtu u li l-poter li kellu la kien ta’ ġid għall-gevrn u lanqas għall-pajjiż, Musat qal li d-diskors bejnu u bejn Evarist Bartolo ma jaqax taħt l-iskrutinju tal-PAC.
“Nagħżel li nżomm dak li ntqal fil-kabinett bejni u bejn ministru jibqa’ bejni u bejn il-ministru; Evarist Bartolo qal ħafna affarijiet u ħa l-pożizzjonijiet tiegħu”, sostna Muscat, li kompla li ma jirriżultax li Keith Schembri ndaħal fil-proċess tal-power station.
Dwar il-garanzija ta’ €432 miljun li għamel il-Gvern fuq il-power station, Muscat qal li din saret għall-ġid tal-pajjiż għalkemm “hemm il-ġudizzju (tal-NAO) li l-affarjiet setgħu saru aħjar”. Dwar iż-żjara fl-Ażerbajġan, Muscat qal li d-diksussjonijiet kienu dwar kooperazzjoni usa fuq l-enerġija; iżda “kien żball li ma ħadniex il-media u r-rappreżentanti tas-Servizz Pubbliku… I struggle to understand why“.
Dwar ir-rapporti li Keith Schembri kien irċieva 430,000 Dollaru wara li saret iż-żjara fl-Ażerbajġan, Muscat qal li jaħseb li dawn ir-rapporti ġew investigati iżda jidher li ma kienx hemm xi provi ta’ irregolaritajiet dwar dawn il-fondi. Muscat qal li jidhirlu li din kien transazzjonijiet personali; “naħseb li kont staqsejt dwar dan”.
L-ex Prim Ministru Muscat kien mistoqsi wkoll dwar Burner Malta Ltd u dwar ir-rapporti li Keith Schembri kellu negozjati privati mal-Electrogas. “Kont nippreferi li ma jkollu l-ebda tip ta’ negozju”, sostna Joseph Muscat, li qal li allaħares Keith Schembri għamel kumpanija biex qala’ €40,000 biss, “għax ngħidlu ċuċ!”.
Il-kumitat aġġorna għas-26 ta’ Settembru 2023.
