Minħabba l-agir irresponsabbli, dilettantesk restorant magħruf fil-Mosta qed jgħid li minn Frar sal-llum tilef bejn €3,000 u €5,000 f’turnover kull gimgha. Dan minbarra biex ma tkeċċiex ‘l impjegati leali taghha minhabba n-nuqqas ta’ xoghol dovut ghall-agir tal-Kunsill Lokali u entitajiet governattivi oħra, s-sid kellha toħroġ flus minn ġewwa għall-pagi tagħhom.
Dan kollu kien manifestat fi protest li tressaq it-Tlieta filgħodu fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mill-kumpanija Benny’s Catering Ltd li tiġġestixxi r-ristorant ta’ Marija kontra l-Kunsill Lokali Mosta, Infrastructure Malta,Transport Malta, Carmel Vella Ltd u l-Malta Tourism Authority.
Il-kumpanija qalet li ila snin kbar tiġġestixxi r-restaurant maghruf bhala Ta’ Marija Restaurant ġewwa l-qalba tal-Mosta, restaurant li matul is-snin bena isem qawwi, konsistenti u kostanti, tant li rebaħ ħemel ta’ premijiet u awards lokali u internazzjonali. Ghal preċiżjoni jingħad li Ta’ Marija Restaurant beda jopera f’Jum l-Indipendenza tagħna fl-1964.
Il-protest jgħid li kif inhu magħruf, fl-aħħar snin bdew u għadhom għaddejjin xogħolijiet infrastrutturali fiċ-ċentru tal-Mosta, liema xogħolijiet għandhom it-timbru tas-Sindku tal-Kunsill Lokali Mosta. Huwa fatt fid-dominju pubbliku li dawn ix-xogħolijiet ħolqu kaos madornali fl-aħħar snin u xhur u ġimgħat minħabba l-inkompetenza grossolona fit-tfassil u twettiq tagħhom.
Jgħid ukoll li fis-7 ta’ Frar 2023 is-Sindku Chris Grech u Infrastructure Malta, li bil-kliem u bl-ghemil assumew paternità tal-istess xogħolijiet infrastrutturali li ħolqu problemi kbar sija lir-residenti u sija lil komunità kummerċjali Mostija, ordnawlha biex tneħħi t-terrazzin biswit il-bankina, liema terrazzin fl-aħħar snin serva biex il-patruni tar-restorant setgħu jieklu barra. Dan sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħolijiet infratrutturali fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta u cjoe biex ikunu installati l-katusi għall-ilma tax-xita.
Il-protest jgħid ukoll li tajjeb jinghad li l-kumpanija damet xejn inqas minn 15-il sena biex kisbet il-permessi tal-Planning Authority u tad-Dipartiment tal-Artijiet biex setgħet tinstalla t-terrazzin imsemmi. Terrazzin li waħdu sewa’ eluf ta’ euro. Fil-fatt it-terrazzin sewa’ waħdu ‘l fuq minn €25,000 u ilu jintuża minn Jannar 2020, dejjem bił-permessi kollha necessarji skond il-ligi.
Sid il-post qalet li talbet kemm-il darba lis-Sindku tal-Kunsill Lokali Mosta biex tal-anqas (għax f’dak l-istat ġiet ridotta: li trid tittallab biex tkun taf) tkun taf sa meta ħa jkun lest ix-xogħol quddiem ir-restorant li hija tiġġestixxi.
“Dan biex ma nsemmux li l-aġir irresponsabbli u inkompetenti li qed ifisser telf finanzjarju sostanzjali f’klijentela li qed ikollhom jirrifjutaw minħabba n-nuqqas ta’ spazju, klijentela li qed tirrifjuta li tibqa’ tippatroċinja l-imsemmi restorant minħabba t-trabijiet, ħsejjes u inkonvenjent maħluqa bix-xogħolijiet infrastruttrali li qed isiru li la kellhom bidu u lanqas tmiem.
Sal-llum qalet is-sid għadha fl-għama mill-awtoritajiet li hija qed tfittex dwar meta ħa jkun lest ix-xogħol tagħhom u daqstant ieħor importanti ghaliha, sabiex jassigurawha li fi tmiem ix-xogħolijiet infrastrutturali hija se tkun tista’ tibqa’ topera bl-imsemmi terrazzin kif kien u fejn kien. Sal-llum iżda hallewha bla risposta.
Il-protest jgħid ukoll li minn Frar sal-llum, seba’ xhur wara, il-katusi tal-ilma tax-xita għadhom ma tqiegħdux u x-xogġolijiet għadhom nofs leħja, tort l-inkompetenza grassa ta’ dawk wara l-proġett li ġew jaqgħu u jqumu minn negozju u l-qliegħ tagħha u mill-impjiegi li jiddependu mill-operat tal-imsemmi Restorant.
Għall-paragun storiku biss, jinghad li l-Alleati damu u ħadu l-istess zmien biex jippjanaw l-invazjoni tan-Normandija fl-1943. Jigifieri operazzjoni militari li kienet tinvolvi 7,000 bastiment u 133,000 suldat ħadet l-istess żmien biex tkun ippjanata b’suċċess daqskemm l-intimati ħadu s’issa biex iqiegħdu l-katusi tal-ilma tax-xita ġewwa Triq il-Kostituzzjoni, Mosta.
Għalhekk fid-dawl fid-dawl ta’ dan kollu għall-finijiet kollha tal-liġi qed titlobhom biex minnufih ikollhom id-deċenza li jinfurmawhom bid-data sa meta x-xogħolijiet infrastrutturali li qed jagħmlu ha jkunu konklużi definittivament u li jassigurawha li kif wegħduha f’Jannar li għadda, it-terrazzin se jkun jista’ jitqiegħed fejn kien u kif kien qabel bdew ix-xogħolijiet infrastrutturali taghhom, u fin-nuqqas ta’ dan ikollhom jersqu ghall-likwidazzjoni tad-danni minnhom ikkaġunati u jħallsuhom għad-danni. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Chris Busietta.
//= $special ?>