Science in the City – festival li jgħaqqad l-arti u x-xjenza flimkien, festival fejn ix-xjenza tiltaqa’ mal-mitoloġija, festival fejn wieħed jista’ jitgħallem dwar it-terremoti, il-konservazzjoni tal-ilma, l-ambjent u ħafna affarijiet oħra.
Dan hu biss togħma ta’ dak li wieħed għandu jistenna meta jattendi Science in the City ta’ din is-sena li se jsir fid-29 u t-30 ta’ Settembru.
Għall-ewwel darba wara l-pandemija dan il-festival se jerġa jsir fi Pjazza Tritoni; iżda mhux biss. Dan għaliex l-avveniment se jsir ukoll fi ġnien il-Biskuttin u numru ta’ teatri fil-qrib.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Università ta’ Malta, il-Koordinatur tal-festival Edward Duca qal li l-attivitajiet għal din is-sena huma sensibbli għall-isfidi kollha li qed naffaċċjaw. Apparti minn hekk, matul ix-xahar ta’ Settembru se jkun hemm numru ta’ avvenimenti b’rabta ma’ dan il-festival.
Minn naħa tagħha il-Maniġer tal-festival Karen Fiorini qalet li wieħed mill-iskopijiet ewlenin għal dan il-festival huwa li jiffukaw fuq kif wieħed għandu japplika r-riċerka u t-tagħlim fid-deċiżjonijiet ta’ kuljum – minn terremoti għal saħħitna – jew kif għandna ninnavigaw fid-dinja diġitali.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella minn naħa tiegħu sostna li x-xjenza tagħti lill-bniedem l-għodod biex itejjeb il-benesseri. U saħaq li dan l-avveniment iwassal biex iqarrbu ix-xjenza lejn iċ-ċittadini.
Fil-festival Science in the City ta’ din is-sena se jkun hemm attivitajiet mill-aktar kreattivi u uniċi fosthom avveniment interessanti fejn ix-xjenza se tkun qed tiltaqa’ mal-mitoloġija.
F’kummenti ma’ Net News Jeremy Grech li huwa l-moħħ wara mitoxjenza qal li permezz tal-mitoloġija flimkien mas-sismologu Matthew Agius se jwasslu għarfien dwar x’jikkawża t-terremoti – u dan kollu se jkun abbinat mal-minotawru.
Huwa qal li din il-produzzjoni tirrikjedi ħafna xogħol filwaqt li t-tfal u dawk kollha li jattendu se jkollhom l-aqwa esperjenza. Jeremy Grech spjega kif ħareġ b’din l-idea li jgħaqqad il-mitoloġija max-xjenza filwaqt li spjega s-sinifikat tal-minotawru meta niġu għat-terremoti.
Għal dan il-proġett l-attriċi prinċipali se tkun tifla ta’ 9 snin li hija l-unika tifla li ma tibżax minn dan il-minotawru għaliex permezz tax-xjenza hija qed tifhem x’inhu jiġri madwarha.
//= $special ?>