Futbol Sport

Il-favoriti javvanzaw…eliminati Sheffield United wara l-penalties

Chelsea kellhom jirkupraw minn gowl żvantaġġ biex għelbu lil Wimbledon 2-1. Kien penalty ta’ James Tilley li poġġa lil Wimbledon fil-vantaġġ wara 19-il minuta. Noni Madueke ġab id-draw għal Chelsea biex 20 minuta mit-tmiem kien Enzo Fernandez li skorja l-gowl tar-rebħa.

F’konfront bejn żewġ timijiet mill-Premier League, kienu Burnley li għelbu lil Nottingham Forest 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fil-91 minuta permezz ta’ Zeki Amdouni.

Sorpriża fi Bramall Lane meta Sheffield United kienu eliminati minn Lincoln City wara l-għoti tal-penalties. Bil-partita tintemm 0-0, kienu t-tim minn League 1 li għeleb lit-tim mill-Premier League 3-2 bil-penalties.

Everton evitaw sorpriża oħra, kisbu l-ewwel rebħa dan l-istaġun meta għelbu lil Doncaster 2-1. Kienu Doncaster permezz ta’ Joe Ironside li fetħu l-iskor. Iżda gowl tad-debuttant Beto u gowl ieħor lejn it-tmiem ta’ Arnaut Danjuma taw rebħa lit-tim ta’ Sean Dyche.

F’partita oħra, it-tim miċ-Championship Blackburn Rovers, barra minn daru għeleb lil Harrogate bl-iskor ta’ 8-0.