Lokali Qorti

Il-PN b’kawża fil-Qorti biex il-PBS ma jkomplix inaqqar id-dritt ta’ informazzjoni vera

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, dalgħodu ppreżenta kawża fil-Qorti biex il-PBS ma jkomplix inaqqar id-dritt tal-poplu Malti u Għawdxi li jirċievi l-informazzjoni kollha u vera, kif jixraq f’demokrazija vera.

Bil-kawża tiegħu, il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Robert Abela u l-Gvern tiegħu jipprovaw jiċċensuraw lil min ma jaqbilx mad-diska tagħhom minn fuq ix-Xandir Pubbliku, li qed jintuża’ daqslikieku hu xi magna ta’ propaganda tal-Labour.

Fl-istess waqt, irid jara wkoll li l-Awtorità tax-Xandir ma tkunx kompliċi meta ma tieħux il-miżuri kollha meħtieġa biex tassigura li jkun hemm verament bilanċ fix-xandir.

Il-kawża ġiet iffirmata mill-avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech.

Il-PN fil-kawża tiegħu jgħid li huwa d-dritt taċ-ċittadin li jingħata informazzjoni bilanċjata fuq il-mezzi tax-xandir dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali, jew li jirriferixxu għal policy pubblika kurrenti.

Il-kawża ġiet ippreżentata wara li minkejja l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN rigward ċ-ċensura minn naħa tax-xandir nazzjonali, xorta saret kompliċi fiċ-ċensura mal-PBS. Dan għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lil PN li ressaq l-ilment. Fil-fatt Michael Piccinino insista li huwa inaċċettabbli illi l-Awtorità tax-Xandir tkun kompliċi mal-PBS meta tonqos illi tieħu miżuri meħtieġa biex tassigura verament bilanċ tax-xandir.