Lokali Qorti

Jitressaq żagħżugħ taħt l-età b’rabta mas-sejba ta’ ammont sostanzjali ta’ droga

Fil-Qorti tressaq żagħżugħ ta’ 17-il sena – wieħed mis-67 persuna li ġew arrestati nhar it-Tnejn filgħaxija waqt rejd fil-Marsa. Dan b’rabta ma’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq ir-remissi li jinsabu fi Triq il-Ġerrejja, fil-Marsa, fejn il-Pulizija kienet ċċirkondat remissa li allegatament kienet qed tintuża għall-bejgħ tad-droga.

Il-Pulizija kienet sabet raġel, li ġie arrestat u minn tfittxija fuq il-post, nstabu 385 qartas kokaina, 250 qartas eroina u 45 qartas ta’ cannabis sintetika, kollha lesti f’boroż żgħar sabiex jinbiegħu. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, li ismu ma jistax jixxandar minħabba li huwa minorenni, kien mixli b’pussess aggravat tad-droga.

Huwa kien arrestat f’remissa fejn instabet id-droga lesta sabiex jiġu ttraffikata. Il-ġuvnott wieġeb mhux ħati u l-avukati tiegħu talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għax l-investigazzjonijiet b’rabta mar-rejd għadhom għaddejjin.

Il-ħidma minn naħa tal-Pulizija kienet bdiet għall-ħabta tat-8:00pm u ntemmet fis-siegħa ta’ filgħodu. L-operazzjoni kienet iffukata fuq stabbilimenti, remissi u residenzi fil-Marsa, l-Ħamrun u n-Naxxar.

Minn spezzjonijiet illi saru f’diversi toroq, ġew arrestati 67 persuna li kienu qegħdin jgħixu Malta llegalment. Bl-assistenza tal-uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni, dawn kienu ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni u beda proċess immedjat sabiex dawn jiġu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż li legalment jistgħu jirrisjedu fih.

Sar ukoll arrest b’rabta mal-prostituzzjoni. Hawnekk kienu konfiskati mal-€4,600 fi flus kontanti. B’rabta mal-operazzjoni tal-Pulizija fil-Marsa, saret ukoll tfittxija f’residenza fin-Naxxar. Hemmhekk il-Pulizija sabet mal-€10,500 fi flus kontanti, waqt li ġew ikkonfiskati żewġ vetturi, ammont konsiderevoli ta’ ħwejjeġ tad-ditta, ġojjellerija u mobile phones.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi ċaħad it-talba u ordna li l-akkużat jinżamm arrestat fit-taqsima taż-żgħażagħ. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur John Leigh Howard waqt li l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb dehru għall-akkużat.