Sport Sport Ieħor

Karting: Piscopo u Mifsud lura minn esperjenza oħra pożittiva fl-Itlaja

Is-sewwieqa Maltin Benjamin Piscopo u Dario Mifsud reġgħu lura Malta wara li kkompetew f’Sarno, l-Italja.

Nhar is-Sibt, 26 u l-Ħadd, 27, iż-żewġ sewwieqa tas-CRG Karting Racing ipparteċipaw fir-raba’ rawnd tal-Kampjonat Taljan, ACI Karting.

Benjamin Piscopo temm il-ġurnata fil-pożizzjoni numru 28 minn 34 sewwieq. Matul it-tellieqa, Piscopo wasal fil-15-il post, iżda f’dak l-istadj intlaqat minn wara u tilef numru ta’ pożizzjonijiet. Kieku dan l-inċident ma seħħx, Piscopo kien saħansitra javvanza aktar.

Dario Mifsud kellu wkoll tmiem il-ġimgħa tajjeb fejn spiċċa fit-18-il post minn 32 sewwieq.

William England, Viċi President tal-Malta Motorsport Federation, mexxa tim ta’ ħames uffiċjali Maltin, Adrian Figallo, Ruben Hili, Mandy Micallef, Francesca Vella u hu stess, fil-kariga tiegħu ta uffiċjal tat-tellieqa.

L-uffiċjali segwew, mill-viċin l-amministrazzjoni Taljana u l-proċessi li bihom mexxew l-avveniment. Dan kollu taħt l-għajnejn ta’ Alessandro Ferrari, Direttur tat-Tlielaq ta’ l-ACI.