Kunsilli Lokali Lokali

Protesta oħra kontra l-Gvern minħabba l-kriżi tal-iskart

Numru kbir ta’ residenti Slimiżi ilbieraħ filgħaxija inġabru fi protesta sabiex isemmgħu leħinhom kontra l-Gvern minħabba li s-sitwazzjoni tal-iskart ħarbitlu kompletament minn idejh u saret kriżi li minnha qed ibati kulħadd. Bir-residenti stess jgħidu li bħalissa, kull fejn tħares f’Tas-Sliema tara ħmieġ u telqa ma’ kullimkien. Dan apparti l-bini eżaġerat u l-effetti enormi taż-żieda fil-popolazzjoni.

Waqt il-protesta issemma’ kif is-Slimiżi qed jiġi kompletament injorati mill-awtoritajiet. Iżda wasal iż-żmien li jgħidu “issa daqshekk!”

Dawk li ndirizzaw lin-nies preżenti fiz-zona ta’ Fond Għadir insistew li l-Gvern għandu immedjatament ibiddel l-iskeda tal-ġbir tal-iskart. Dan sabiex iżid il-ġranet tal-ġbir, speċjalment tal-borża s-sewda.

“Is-sistema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart falliet”, qalu dawk preżenti, filwaqt illi tkellmu wkoll dwar il-bżonn li f’Tas-Sliema – speċjalment fis-Sajf – jiżdied it-tindif tat-toroq għaliex in-nies huma imxebba b’din is-sitwazzjoni.

Fil-protesta issemmew ukoll problemi oħra bħan-nuqqas ta’ infurzar, l-abbużi minn dawk li jużaw l-iscooters u anke l-bini bl-addoċċ fiz-zona ta’ Tas-Sliema. Dan apparti l-isplużjoni fil-popolazzjoni li bla dubju qed tikkontribwixxi għall-effetti kollha negattivi u l-problemi li rreferew għalihom f’din l-istess protesta – kollha kontributuri li affetwaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’din il-lokalità.