Lokali

Robert Abela jinjora għal kollox il-kriżi tal-iskart; ma jagħti ebda soluzzjoni

Fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jinjora għal kollox il-kriżi tal-iskart illi ħakmet lil pajjiżna matul dan is-sajf. Dan hekk kif diversi lokalitajiet spiċċaw dominati minn boroż taż-żibel ma’ kullimkien, ħmieġ fuq il-bankini, telqa fi spazji pubbliċi u ġrieden li tfaċċaw anke f’zoni residenzjali.

Il-kriżi tal-iskart kienet dovuta l-aktar għall-fatt li l-Gvern fl-aħħar xhur biddel l-iskeda tal-ġbir tal-boroż, fejn fost l-oħrajn tnaqqsu l-ġranet li fihom tinġabar il-borża s-sewda.

Iżda minkejja l-pressjoni enormi li hemm fuq il-Gvern – anke minn Sindki Laburisti – il-Prim Ministru qed jibqa’ jitfa’ din il-problema enormi taħt it-tapit.

Dan seħħ l-għada li wieħed mill-għola uffiċjali tiegħu ħareġ bil-famuża idea li nibdew nitfgħu l-borża tal-iskart organiku fil-friża, sabiex intaffu parti mill-problema tar-riħa li qed joħloq dan l-iskart sakemm jinġabar.

Intant, matul l-intervista tal-lum, Robert Abela baqa’ jitkellem fuq “tranżizzjoni ekonomika” filwaqt illi injora l-appelli kollha li qed isirulu biex ibiddel il-mudell ekonomiku preżenti – illi falla komplatament.

Fost dawk li appellaw għal bidla fid-direzzjoni, kien hemm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Għalkemm xorta Abela qed jinsisti li ma jridx bidla, imma jrid li jkompli fl-istess triq u jersaq lejn “tranżizzjoni” tal-istess mudell.

Bin-noti miktubin quddiemu, il-Prim Ministru irrefera għal dak li sejjaħ “kwalità” f’pajjiżna. Iżda fl-ebda ħin ma semma’ xejn dwar iż-żieda enormi fil-popolazzjoni, il-problema tat-traffiku, il-bini bla pjan f’kull rokna tal-pajjiż, it-telqa enormi f’diversi lokalitajiet, u l-piż tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji.

Robert Abela ma naqasx ukoll li jerġa’ jkun partiġġjan fil-messaġġ tiegħu, b’diversi attakki fuq il-PN minflok indirizza l-problemi reali tan-nies.