Sport Sport Ieħor

Tennis: Djokovic lura fil-quċċata tar-rankings

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic ħa post Carlos Alcaraz bħala n-numru wieħed fid-dinja tat-tennis. Dan seħħ wara r-rebħa fil-ġurnata tal-ftuħ fl-Open tal-Istati Uniti.

Djokovic, li kien tilef il-finali ta’ Wimbledon kontra Alcaraz iżda għeleb lil istess Alcaraz f’Cincinnati, rebaħ fi tlett sets 6-0 ; 6-2 ; 6-3 kontra l-Franċiż Alexandre Muller f’siegħa u 34 minuta. Djokovic ta’ 36 sena ma tħalliex jilgħab fl-Open tal-Istati Uniti sena ilu minħabba li ma kienx imlaqqam kontra l-Covid-19.

Is-Serb, li rebaħ l-Open tal-Awstralja f’Melbourne u l-Open ta’ Franza f’Roland Garros aktar kmieni din is-sena, qed jimmira għar-raba’ titlu fi Flushing Meadows u fit-tieni rawnd se jilgħab kontra l-Ispanjol Bernabe Zapata Miralles.

L-avversarju dirett Carlos Alcaraz ta’ 20 sena, rebaħ l-ewwel unur principali tiegħu is-sena l-oħra fl-Open tal-Istati Uniti fin-nuqqas ta’ Djokovic. Alcaraz u Djokovic jibqgħu l-favoriti ewlenin fl-edizzjoni ta’ din is-sena fejn huma ma jistgħux jiltaqgħu fl-Open tal-Istati Uniti qabel il-finali minħabba li huma l-aqwa żewġ seeds.

Alcaraz fit-tieni rawnd jilgħab kontra Lloyd Harris tal-Afrika t’Isfel.