Lokali

Titnieda l-ewwel edizzjoni ta’ Caritas Run for Life

Imnedija uffiċjalment l-ewwel edizzjoni tal-Caritas Run For Life – attività sportiva ta’ ġiri u mixi qalb il-kampanja madwar iċ-ċentru ta’ Caritas Malta f’San Blas, u li se ssir fit-22 ta’ Ottubru li ġej fit-8 ta’ filgħodu.

Din l-attività organizzata mill-Caritas, b’kollaborazzjoni ma’ St Patricks Atletic Club, se tkun miftuħa għall-pubbliku kollu – kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. U r-rotta ta’ din il-ġirja ser tibda u tispiċċa fiċ-ċentru terapewtiku tal-Caritas f’San Blas.

Net News tkellem ma’ Anthony Gatt id-direttur tal-Caritas, fejn spejgalna kemm hu importanti li nippromwovu ħajja aktar  b’saħħitha; ‘il bogħod mill-vizzju tad-droga.

Anthony Gatt qalilna li kull min jipparteċipa f’din l-attività jista’ jieħu rotot differenti. Dan għaliex l-atleti professjonali jistgħu jagħmlu ġirja ta’ 10 km, jew 5 km, filwaqt illi għal min mhux atleta, u jixtieq jipparteċipa ġiet pjanata rotta ta’ 2.5 km, fejn wieħed ser ikun jista’ jiġriha jew jimxiha.

Għat-tfal ta bejn l-10 u 13-il sena, ġiet pajanat rotta ta’ 2.5 km, filwaqt li għat-tfal ta’ bejn is-6 u 9 snin, ser ikun hemm rotta oħra ta kilometru.

Net News tkellem ukoll ma’ Ray Spiteri, il-President ta’ St Patricks Atletic Club dwar din l-attività sportiva li se tkun qed ssir ukoll fl-għeluq is-60 sena mit-twaqqif ta’ dan il-Club.

Ma’ dan l-istazzjon tkellem ukoll Dario Debono, youthworker li jaħdem fil-qrib mar-residenti li jinsabu fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar, fejn insista kemm huwa importanti li nkomplu nintroduċu  l-imħabba għal-isport fost iz-żgħażagħ sabiex ma’ jaqawx fil-vizzji.

Intant, wieħed jista’ jipparteċipa f’din l-attività billi japplika online fuq is-sit caritasmalta.org.